Malta u Għawdex bla dawl għal madwar tliet sigħat

L-Enemalta jgħidu li l-kawża tal-qtugħ tad-dawl kien difett fl-interconnector minn naħa ta’ Sqallija

Illum, Malta u Għawdex qamu bla dawl. Il-qtugħ tad-dawl dam madwar tliet sigħat, minn madwar is-7:30 a.m sal-10:30 a.m għalkemm, f'xi lokalitajiet id-dawl dam iktar minn hekk biex reġa' ġie.

F'kummenti mal-MaltaToday, il-Ministru tal-Enerġija Joe Mizzi qal li valutazzjoni preliminari wriet li l-kawża tal-qtugħ tad-dawl kien difett fl-interconnector minn naħa ta’ Sqallija. Mizzi żied jgħid ukoll li dan kien minħabba temp ħażin fi Sqallija li awtomatikament ġiegħel il-power stations jintfew bħala miżura ta’ prekawzjoni. Dan kien imtenni mill-Enemalta, fi stqarrija li ħarġet ftit wara li reġa ġie d-dawl.

L-aħħar darba li nqata' d-dawl kien madwar xahar ilu, dakinhar li Malta bdiet issegwi l-iżviluppi politiċi bir-riżenja ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi, flimkien mas-sospensjoni ta' Chris Cardona. Dakinhar, l-Enemalta taw l-istess raġuni għal qtugħ ta’ dawl, jiġfieri l-problema fl-interconnector min-naħa ta’ Sqallija.

More in Politika