Deborah toħroġ għonqha għal Keith Schembri u tisħaq li għandu jingħata 'l-benefiċċju tad-dubju'

Deborah Schembri kitbet biex twieġeb lill-Ċerperin Eżekuttiv tal-ONE Jason Micallef li lbieraħ qal li Keith Schembri għandu jitkeċċa mill-PL

L-eks Deputata Laburista Deborah Schembri, dalgħodu fuq Facebook, ħarġet għonqha għal Keith Schembri biex tinsisti li ma taqbilx li dan għandu jitkeċċa mill-Partit Laburista kif issuġġerixxa lbieraħ iċ-Ċerperin Eżekuttiv tal-ONE Jason Micallef.

Schembri kienet ċara fi kliema u saħqet li Schembri għandu jingħata l-benefiċċju tad-dubju.

Kliema eżatt kien hekk: “Jekk min ta’ ruħu u ġismu biex għamel mill-Partit is-suċċess li hu llum, lanqas qed jingħata l-benefiċċji bażiku tad-dubju minn xi wħud, kemm se jkollna nies li jibqgħu jagħtu ruħhom u ġisimhom għall-partit u għall-moviment jekk aktar ma jaħdmu aktar ikunu prime targets u malli jsiru targets u min għandu l-intenzjoni jħammiġhom jibqa’ jagħmel dan, kulħadd jippretendi li narmuhom ‘l hemm?,” staqsiet l-eks Deputata.

Insistiet li dwar Keith Schembri għad ma hemmx imqar akkuża waħda. Għalhekk staqsiet: “jekk qed nitkellmu fuq raġel illi sal-lum għadu raġel liberu, lanqas akkużi m’hemm kontih, kemm aktar għandna nkeċċu lil min instab ħati ta’ reat?”

Kien għalhekk li saħqet li bl-istess raġunar, kull min ikun hemm allegazzjoni jew jitpoġġa dell fuqu jrid jibda jitkeċċa mill-Partit Laburista.

Staqsiet x’kien jiġri li kieku meta ħarġu l-allegazzjonijiet kontra Joseph Muscat u l-kumpanija Egrant kien hemm min uża l-istess raġunament ta’ Micallef.

“X’konna ngħidu x’ħin bdiet ħierġa l-verità? X’konna ngħidu meta l-provi li tant dehru ċari ħareġ li kienu pprovi ffalsifikati? X’konnha ngħidu li kieku rmejna Prim Ministru li tant għamel ġid lill-pajjiż għax xi ħadd li kellu intenzjoni li jċappsu, ħallejnih jagħmina u jdawwarna kontrih?”, kompliet tistaqsi.

 

More in Politika