Filmat | Efimova tgħid li għad għandha d-dokumenti oriġinali dwar Egrant u li jimplikaw lil Michelle Muscat

F’intervista live ma’ David Thake saħqet li lesta tgħaddi dawn id-dokumenti oriġinali jekk tingħata l-protezzjoni ta’ whistleblower u “l-immunità mill-prosekuzzjoni”

L-eks impjegata tal-Bank Pilatus li kienet uriet lil Daphne Caruana Galizia d-dokumenti li allegatament kienu jorbtu lil Michelle Muscat mal-kumpanija Egrant, saħqet li d-dokumenti oriġinali għadhom għandha.  Dan minkejja li diversi drabi fl-inkjesta hui qalet li ma kellhiex id-dokumenti, anzi gidbet lil Daphne Caruana Galizia u Pierre Portelli li fuq il-Malta Independent kien irrapporta illi Efimova qaltlu li m'għandhiex dawn id-dokumenti u qatt ma scannjathom jew ħadet ritratt tagħhom.

Ara hawn analiżi estensiva tax-xhieda ta' Efimova quddiem il-maġistrat.  

F’intervista live ma’ David Thake, Maria Efimova saħqet li lesta tgħaddi d-dokumenti li għandha jekk tingħata l-protezzjoni ta’ whistleblower u “l-immunità mill-prosekuzzjoni.”

Thake tkellem ma’ Efimova wara li ġie ppubblikat ir-rapport tal-inkjesta Egrant li kienet sabet li d-dokumenti ppreżentati ma kinux awtentiċi.

Il-Maġistrat Aaron Bugeja kien innota li Mossack Fonseca qatt ma kellha declarations of trust ta’ Michelle Muscat bħala s-sid ta’ Egrant għax is-sid tal-kumpanija kien biss Brian Tonna.

Ir-rapport tal-inkjesta Egrant jgħid aktar minn darba li nstab li l-firem ta’ Jaqueline Alexander, suppost il-firmatarja mill-Panama tad-declaration of Trust ta’ Muscat, fuq id-dokument preżentat quddiem il-Qorti u l-firem ġenwini tagħha ma kinux jaqblu.

Alexander, meta xehdet, ikkonfermat li hija ma kinitx kitbet jew għamlet declaration of trust għal Egrant.

Il-Maġistrat Bugeja mbagħad jasal għall-konklużjoni li “d-dokumenti foloz (huma) magħmula minn xi ħadd li f’dan l-istadju għadu mhux magħruf.”

Apparti minn hekk, fir-rapport, Bugeja jisħaq li Efimova għandha tiffaċċja l-ġustizzja u proċeduri kriminali kontriha. 

Fil-fatt lejn l-aħħar tar-rapport l-Imħallef jgħid ċar u tond illi Efimova għandha tiffaċċja proċeduri kriminali mill-Kummisssarju tal-Pulizija fuq ir-reat ta' kalunja u ta' ġurament falz.

Din hija t-tieni persuna li dwarha qed issir rakkomandazzjoni ta' azzjoni legali f'dan ir-rapport ta' inkjesta, bit-tieni wieħed ikun Karl Cini ta' Nexia BT, hekk kif l-Imħallef qed jitlob li dan ikun investigat. 

More in Politika