Intervista | ‘Ma nixtieqx nikkontesta l-elezzjoni iżda nħoss l-obbligu’

Opinjonista maħbub min-Nazzjonalisti. Ħafna jriduh joħroġ għall-elezzjoni. X’se jagħmel? X’jaħseb dwar il-Pulizija? Chris Fearne jew Robert Abela? U l-PN għandu futur b’Delia? L-ILLUM tistaqsi lil Bernard Grech

Bernard Grech. Avukat u opinjonista. Iħobb il-politika iżda qatt ma kkontesta. Xtaquh Kap tal-Partit Nazzjonalista tant li jistqarr mal-ILLUM li kien hemm min ried ibiddel l-istatut għalih. Fi żmien ta’ taqlib u inċertezza għall-pajjiż, din il-gazzetta tiltaqa’ miegħu u tistaqsih.

Hawn min qed iqabbel iż-żmien li għaddejjin minnu mat-tmeninijiet. Bernard Grech għexu. Jaqbel ma’ min jgħid hekk? 

Jibda jispjega li dak iż-żmien kellu 16-il sena u anke jekk ma kienx xi wieħed li jsegwi kulma jkun għaddej, l-interess hemm kien, fosthom, għax fit-28 ta’ Diċembru tal-1977 inqatlet kuġintu Karin Grech.

“Kont għadni kif sirt nafha tlett ijiem qabel. Hi kienet boarding school l-Ingilterra,” spjega Bernard Grech. “Ta’ sitt snin u nofs tlift l-innoċenza f’dak li għandu x’jaqsam mal-politika.”

Dan l-inċident, wasslu biex min età żgħira jistaqsi kollox, jipprova jifhem dak li ma jintqalx jew ma jidhirx. “In-nies għandhom dritt jistaqsu u jiżnu dak kollu li jintqalilhom.” 

Kien għalhekk li meta, fl-1998, Eddie Fenech Adami talbu biex joħroġ għall-elezzjoni kien wieġbu hekk: “Il-Labour għamlu 10 snin fil-Gvern u ma sabux lil min qatel lill-kuġina tiegħi, issa inti wkoll ilek 10 snin fil-Gvern u lanqas inti ma sibt min qatilha.”

Kien hawn li saħaq li t-tmeninijiet kienu żminijiet aktar koroh u vjolenti. Madanakollu saħaq li dik il-klima reġgħet bdiet tersaq. “Forsi mhux l-istess vjolenza, attakki sfaċċati, swat jew arresti. Qed ngħixu klima li hija vjolenti ħafna, iżda b’mod psikoloġiku,” qal Grech.

Fakkar li l-istess bħat-tmeninijiet hemm ukoll qtil u li fi kliemu “ġie ffirmat ġewwa Kastilja.”

“Jien kont wieħed li rribattejt din it-teżi. Kont ngħid li ma jistax ikun li hemm persuni f’Kastilja li kienu jafu x’inhu jiġri ... Imma meta tiskopri li fl-1 ta’ Mejju 2017, meta tħabbret id-data tal-elezzjoni, jiġi impjegat bniedem, għal erba’ xhur, mal-Gvern, mingħajr ma jmur għax-xogħol u llum nafu li huwa l-intermedjarju, li ltaqa’ ma’ Keith Schembri, l-affarijiet qegħdin f’wiċċek,” insista l-Avukat.

Dan kollu, kompla Grech, wasslu biex jerġa’ jibda jitkellem. “Dan il-pajjiż, sfortunatament ġie addottat bl-istil tal-mafja, fejn in-nies jibżgħu jitkellmu. Jien irrid nibqa’ nitkellem, biex nagħmel kuraġġ lin-nies. Kulħadd għandu opinjoni u kulħadd għandu dritt jesprimiha,” insista l-avukat.

‘Il-Pulizija mhux dejjem wettqet xogħolha’

Bernard Grech qabbel il-qtil ta’ kuġintu ma’ dak ta’ Caruana Galizia. Fakkartu li f’sentejn tressqu dawk li allegatament poġġew il-bomba u issa anke l-allegat mandant.

“Nieħu pjaċir li sar avvanz kbir, iżda ma nistax ma nislitx fatturi komuni fiż-żewġ delitti ... It-tnejn seħħew taħt Gvern Laburista u t-tnejn seħħew minħabba motiv politiku,” insista.

Kompla li fil-każ tal-kuġina tiegħu, il-mandant mhux magħruf għax il-Pulizija ma għamlitx xogħolha sewwa. Ma tantx dar mal-lewża u tul l-intervista baqa’ jinsisti li l-Pulizija mhux dejjem wettqet xogħolha u ma għandhiex il-fiduċja tiegħu.

Ejja ma nibqgħux neloġjaw lill-Pulizija daqslikieku kienu perfetti. Ir-realtà hija li minn żmien għal żmien ikun hemm pulizija li ma jagħmlux xogħolhom sew

“Din hija l-verità. Il-Pulizija ma għamlitx xogħolha sew għal ħafna snin,” insista l-avukat. “Ejja ma nibqgħux neloġjaw lill-Pulizija daqslikieku kienu perfetti. Ir-realtà hija li minn żmien għal żmien ikun hemm pulizija li ma jagħmlux xogħolhom sew.”

Imma lil Yorgen Fenech qabduh. Kif jista’ jgħid li l-Pulizija mhux tagħmel xogħolha sew? 

“Li nistgħu ngħidu huwa li l-Pulizija ħadmet u llum għandna ċertu riżultati ... iżda rridu nifhmu wkoll li waslet għal ċertu azzjoni għax ma kellhiex għażla oħra. Fl-istess ħin li qed ngħidu li l-każ issolva u l-każ magħluq, il-Pulizija qalet ċar u tond li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.”

‘Għaliex ma ressqitx lil min għamel il-frame-up fuq Chris Cardona?’

Kien hawn li fakkar li l-Prim Ministru Joseph Muscat kien ilu xhur jaf li Yorgen Fenech kien suspettat. 

“Għandek l-akbar persuna f’Kastilja li taf li din il-persuna hija involuta u tħalli liċ-Chief of Staff involut fl-investigazzjoni meta taf li dawn it-tnejn għandhom ftehim ta’ negozju bejniethom ... illum il-provi qegħdin hemm,” saħaq Grech. 

Mela allura, ikompli jgħid Grech, il-Pulizija mhux vera ressqet lil kulħadd il-Qorti. “Il-Pulizija, pereżempju, ma ressqitx lil min ipprova jagħmel frame-up fuq Chris Cardona. Din ukoll konnessa mal-investigazzjoni. Min wettaq il-frame-up pprova jbiddel l-attenzjoni. Xi ħadd qal li hemm frame-up ... aċċettajnieh lura fil-Kabinett, mela ammettejna li kien hemm frame-up,” kompla jinsisti.

Hawnhekk ifakkar fil-frame-up fuq Pietru Pawl Busuttil biex ikun akkużat bil-qtil ta’ Raymond Caruana. 

“Ara ma naħsbux, għax wara kollox dan seħħ fil-passat, li ma hemmx nies fil-Pulizija li jistgħu jkunu soġġetti bi flus, b’rikatt jew b’theddid biex jobdu ċertu ordnijiet u jressqu ċerti nies u mhux oħrajn,” insista Grech. 

Wissejtu li din hija dikjarazzjoni serja. “Serja ħafna,” qalilna Grech. “Nafu li kien hemm frame-up, li ngħata impjieg fażul, li persuna kienet qed tattendi għal-laqgħat mas-Servizzi Sigrieti u użat dik l-informazzjoni, nafu li ġew mgħoddija noti lil Yorgen Fenech waqt l-investigazzjoni u azzjoni ma tteħditx,” insista Grech. “Il-Pulizija trid tkun taf li aħna moħħna fihom u li mhux qed nafdawhom b’għajnejna magħluqa.”

‘Dettall żgħir ... hawn inqabad il-Prim Ministru’

Uħud mill-fatti li kkwota Grech qalhom Melvin Theuma. Dan qed jgħidhom għax il-Prim Ministru rrakkomanda l-maħfra Presidenzjali. Allura dan ma jfissirx li Muscat aġixxa?

Ma deherx impressjonat. Insista li din mhijiex prova li Muscat ma għandu x’jaqsam xejn mas-sitwazzjoni. “Il-PM ilu minn Mejju 2018 jaf b’Yorgen Fenech. Kellu jieħu ħafna aktar prekawzjonijiet.”

Kien hawn li saħaq li anke Joseph Muscat għandu ħafna xi jwieġeb u insista li anke hu għandu jkun investigat. “Mhux biex bilfors jissammar mal-ħajt. Kieku jien Prim Ministru u ċert li ma għamilt xejn ħażin, jiena stess nitlob li nkun investigat.”

Mela l-Prim Ministru kemm kien ħabib ta’ Yorgen Fenech, kemm kien jikkomunika miegħu, biex jekk jieqaf jikkommunika kien se jiġbed l-attenzjoni?

Fakkar li Muscat stess ikkonferma li kien baqa’ jikkommunika ma’ Yorgen Fenech bil-messaġġi, anke meta kien jaf li kien involut. Muscat qal li għamel dan biex ma jagħtix fil-għajn. “Mela l-Prim Ministru kemm kien ħabib ta’ Yorgen Fenech, kemm kien jikkomunika miegħu, biex jekk jieqaf jikkommunika kien se jiġbed l-attenzjoni?” staqsa Grech. “Dan huwa dettall żgħir u importanti. Hawn inqabad il-Prim Ministru.”

Insista li hemm ħafna fuq xiex jista’ jkun investigat Muscat. Fakkar li bil-barka tiegħu malli nqatlet Caruana Galizia, ħarġet teżi li din inqatlet b’rabta mat-traffikar taż-żejt. 

“Nafu li dawn l-istess nies ilhom jafu ħafna affarijiet. Uħud involuti. Mela allura kien hemm skop li jintqal dak id-diskors ... Anke l-magna tal-Partit Laburista ntużat biex titmexxa din it-teżi ... ma għandix dubju li kien Keith Schembri li mbuttaha,” kompla jgħid.

‘Fearne u Abela spiċċaw laqgħin ta’ Muscat’

Keith Schembri telaq. Konrad Mizzi m’għadux Ministru. Joseph Muscat se jitlaq. “Se nibqgħu sejrin bil-protesti?  Mhux xahar?” staqsejt lil Grech.

It-tweġiba tiegħu kienet sempliċi. Insista li sal-lum ħadd ma jaf għaliex irriżenjaw Konrad Mizzi u Keith Schembri. Insista li jekk telqu minħabba l-Panama Papers imisshom telqu tliet snin ilu. 

“Għaliex issa? Għaliex il-Prim Ministru baqa’ 42 ġurnata? X’inhu l-iskop? Mela Chris Fearne mhux tajjeb biżżejjed? Kieku għaliex għamilnieh Deputat Prim Ministru?” staqsa Grech. 

Irrefera għall-messaġġ ta’ Muscat meta ħabbar ir-riżenja u insista li għadu sal-lum ma jistax jifhem kif prova jpinġi lilu nnifsu bħala xi rebbieħ.

“Rebbieħ meta llum nafu li bin-nuqqas ta’ azzjoni jew azzjoni tiegħek biex ma toħroġx il-verità, wassalt lill-pajjiż fejn jinsab illum?” staqsa Grech. “Għandek xi ħaġa bla preċedent. Soċjetà Ċivili li qed tissaħħaħ, l-editorjali kważi kollha li ngħaqdu magħha, l-NGOs, il-korpi kostitwiti u li flimkien qed jgħidulu jirriżenja. Allura dan lil ħadd ma jagħti kas? Anke l-Graffitti qed jgħidulu, li huma forsi l-uniku nies soċjalisti li fadal fil-pajjiż. Allura hu biss għandu raġun?”

Tenna li 42 ġurnata fil-politika huma eternità u kull ġurnata li Muscat qed jibqa’ hemm, qed ikompli joħloq problemi lill-pajjiż.

“Tant kemm hi delikata li ġab sitwazzjoni fejn iż-żewġ kandidati, li xi ħadd minnhom se jkun il-Prim Ministru futur, spiċċaw laqgħin tiegħu. Ġabhom fil-pubbliku, jgħannquh u jeħdulu b’idejh,” saħaq.

Komplejna nitkellmu dwar Chris Fearne u Robert Abela u x’effett jista’ jkollu l-fatt li qed jidhru ma’ Muscat. Għandu fiduċja f’xi ħadd minnhom?

“Sal-lum għadni ma smajt xejn miż-żewġ naħat li jserraħli rasi li jitla’ min jitla’ se jnaddaf lill-Gvern u lill-Kastilja,” saħaq Grech. “Dak il-messaġġ ma toħorġux billi tattakka lil min qed jipprotesta, jew tmur titgħannaq mal-Prim Ministru. Kif tista’ titgħannaq ma’ bniedem u ġimgħa wara, meta tkun Prim Ministru tgħid lill-Pulizija biex tmur tinvestigah.”

Kien hawn li insista li għalhekk huwa perikoluż li Muscat baqa’ hemm, li baqa’ jdur fl-irħula u jidher trijonfanti. “Ikkundizzjona anke t-tellieqa għat-tmexxija tal-Partit Laburista. 42 ġurnata twal ħafna,” insista.

Appella li jitla’ min jitla’ jeħtieġ li jkun liberu jagħmel il-bidliet radikali li hemm bżonn kullimkien, inkluż fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

“Suppost qiegħed bil-pensjoni. X’inhu l-iskop li se jibqa’ hemm? Mhux biss għaddietlu l-expiry date tal-età, imma anke tal-fiduċja tan-nies. Ma jistax jitlaq ħalli jilħaq xi ħadd li mhux ikkontrollat?” staqsa Grech.

Hawn staqsejtu għaliex donnu l-Partit Nazzjonalista, minkejja l-konklużjonijet tal-inkjesta Egrant, donnu reġa’ qed jimplika lill-Prim Ministru.

Egrant: ‘Ma għandix fiduċja li l-Pulizija taw l-informazzjoni kollha lill-Maġistrat’

Anke jekk faħħar ix-xogħol tal-Maġistrat Aaron Bugeja, insista li l-inkjesta telqet “zoppa” mill-ewwel għax il-mistoqsijiet għamilhom Muscat stess u l-Maġistrat, fil-konklużjonijiet, irid iwieġeb dawk il-mistoqsijiet.

“Il-Maġistrat qal li ma sabx provi li Egrant hija ta’ Joseph Muscat jew ta’ martu u mhux li sab il-provi li mhijiex ta’ Joseph Muscat jew martu. Hemm differenza kbira. X’hemm fil-kumplament tar-rapport ma nafux,” insista Grech. “Xi ħaġa żgur li sab u żgur li ta direzzjoni lill-Pulizija u lill-AĠ.”

Waqt li tenna li l-Maġistrat għamel xogħlu sew, insista li “ma għandux fiduċja għamja” li l-Pulizija tawh il-provi jew l-informazzjoni kollha li seta’ kellhom.

Kien hawn li staqsa kif jista’ jkun, la nafu li din infetħet minn Brian Tonna, li sal-lum il-Pulizija ma kellmitux.

“Tiġi tgħidli li l-Pulizija qed tagħmel xogħolha sew?” kompla Grech. “Nafu li din infetħet għal xi ħadd aktar importanti minn Konrad Mizzi u Keith Schembri. Issa għidli int min hu aktar importanti?”

‘Delia mhux jikkonvinċi biżżejjed u jrid jara kif se jindirizza din l-isfida’

Tkellimna dwar is-soċjetà ċivili li qed tissaħħaħ u min-naħa l-oħra l-Oppożizzjoni li baqgħet fejn kienet skont l-aħħar sondaġġ tal-MaltaToday. 

“Hija realtà li l-PN mhux qed jigref,” insista Grech. “Jew il-messaġġ għadu mhux tajjeb biżżejjed, jew għadu mhux b’saħħtu, jew mhux qed jasal biżżejjed jew min qed iwasslu mhux jikkonvinċi.”

Bernard Grech insista li Adrian Delia għandu l-intenzjonijiet kollha tajbin iżda huwa ċar li għadu mhux jikkonvinċi biżżejjed u “dik irid jara kif se jindirizzaha.” 

“Raġuni hemm. Id-dell hemm qiegħed. Jidher li għadu jaffettwah u jrid jindirizzah hu,” saħaq Grech. “Hu jaf kif irid jindirizzah. Irid jieħu miżura drastika biex jindirizza dik il-problema ... altrimenti se mmorru għal elezzjoni u se jkollna partit li għadu mhuwiex sfida b’saħħitha biżżejjed għall-Gvern.”

Kien hawn li fakkar li kien Adrian Delia li fil-Parlament talab inkjesti pubbliċi fuq il-persuni kollha li kitbet dwarhom Caruana Galizia, inkluż fuqu stess u kien il-Gvern li vvota kontra.

Bernard Grech jindirizza mass meeting tal-PN fl-aħħar kampanja elettorali għall-elezzjoni ġenerali
Bernard Grech jindirizza mass meeting tal-PN fl-aħħar kampanja elettorali għall-elezzjoni ġenerali

Bernard Grech ħiereġ għall-elezzjoni?

Fl-aħħar nett huwa sigriet magħruf li diversi jriduh isir Kap tal-Partit Nazzjonalista. Ħiereġ għall-politika jew se jibqa’ fil-periferija?

Beda jisħaq li min jitkellem u jirriskja kuljum, mhuwiex fil-periferija. “Qed nagħti kontribut,” insista Grech waqt li tenna li hu dejjem emmen li kulħadd għandu dritt jitkellem fuq il-politika anke jekk ma jkunx politiku u mingħajr ma jkun ittimbrat.

Insista li għalhekk ma kkontestax l-elezzjoni tal-2017. Fakkar li wara din la seta’ u lanqas ried jikkontesta għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista anke jekk żvela li kien hemm min saħansitra offrielu li  tissejjaħ Konferenza Straordinarja biex jinbidel l-istatut biex ikun jista’ jikkontesta.

Is-sena li għaddiet kellu wkoll talba, minn żewġ partiti, biex joħroġ għal MEP. “Partit minnhom irrifjutat mill-ewwel u l-ieħor ma tajtx risposta u niżżilt is-separju meta twaqqaft milli nkun fuq it-televiżjoni tal-istess partit għax ħasbu li stajt inkun ta’ theddida. Jiena ridt inkun dejjem liberu u nitkellem kif irrid,” insista Grech.

U llum? “Jekk għandix xewqat ngħidlek le. Jekk inħossx l-obbligu ngħidlek iva,” insista Grech. “Imma rrid inkun ċar li s-soluzzjoni tal-problema mhijiex xi superhero ... il-problema tista’ tkun indirizzata jekk kulħadd jiġbed ħabel wieħed.”

More in Politika