'Il-Partit Laburista għandu bżonn fejqan għalhekk Fearne huwa l-għażla tal-mument'

Il-President Emeritus Marie Louise Coleiro Preca bl-ewwel 'endorsement' għal Chris Fearne

Marie Louise Coleiro Preca
Marie Louise Coleiro Preca

Il-President Emeritus Marie Louuise Coleiro Preca sostniet illi Chris Fearne huwa l-Prim Ministru li għandu bżonn dan il-pajjiż. Fl-ewwel endorsement tiegħu tal-kampanja elettorali biex isir Mexxej Laburista u Prim Ministru, Coleiro Preca qalet illi taf lil Fearne fil-bnazzi u l-maltemp. 

"Nafu bħala persuna li l-lealtà lejn pajjiżna u l-valuri tal-partit huma fundamentali. Nafu f'sitwazzjoni fejn tkellem biex tittieħed azzjoni," sostniet Coleiro Preca. 

Hija kompliet tgħid li dan il-pajjiż u l-Partit Laburista għandhom bżonn fejqan immedjat, "għalhekk Fearne huwa l-għażla tal-mument, għax jifhem l-uġigħ ta' dawk kollha li huma mweġġgħin. Chris Fearne huwa l-Prim Ministru li l-pajjiż għandu bżonn bħalissa," temmet tgħid Coleiro Preca. 

Intant aktar kmieni llum Fearne ressaq 10 linji gwida li fuqhom se jimxi jekk ikun elett Mexxej Laburista u Prim Ministru ta' Malta. 

Min kienet Marie Louise fil-Partit Laburista?

Coleiro Preca serviet ta' Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, appuntata minn Joseph Muscat fl-2013. Hija kienet kandidata għat-tmexxija tal-Partit Laburista fl-2008 u kienet serviet ta' President tal-Partit Laburista.

Bdiet l-attività politika tagħha meta kellha 16-il sena. Okkupat diversi karigi fi ħdan il-Partit Laburista, fosthom bħala: membru elett tal-Eżekuttiv Nazzjonali, membru fil-Bureau Nazzjonali tal-Għaqda Żgħażagħ Soċjalisti, Assistenta Segretarju Ġenerali tal-Partit Laburista, Segretarju Ġenerali tal-Partit Laburista, membru fundatur tal-Fondazzjoni Ġuże’ Ellul Mercer, Stampatur tal-Ġurnal tal-Partit Laburista 'Il-Ħelsien', President tal-Għaqda Nisa Laburisti u mill-1998 Membru Parlamentari Laburista.

Kienet ukoll attiva fi ħdan il-General Workers Union bħala membru fil-Kunsill Nazzjonali tal-Għaqda Ħaddiema Żgħażagħ u Rappreżentanta tal-Partit Laburista fil-Kunsill Nazzjonali tal-GWU.

More in Politika