'Ir-Repubblika Maltija hija akbar mill-klikka li ġabet dan l-għajb fuq pajjiżna' - Il-President

'Magħkom inħossni mdejjaq, imweġġa’ u maħsud,' saħaq il-President

Il-President ta’ Malta George Vella ħa l-opportunità biex fid-diskors ta’ Jum Repubblika jirrifletti fuq il-mumenti li għaddej minnhom il-pajjiż u kien skjett u ċar u tond meta qal li “min wassalna f’din is-sitwazzjoni, kien min kien, ma kienx qed jaħdem għall-ġid tal-poplu Malti.”

“Magħkom inħossni mdejjaq, imweġġa’ u maħsud,” qal il-President huwa u jindirizza direttament lill-poplu. “Inżommu f’moħħna li r-Repubblika ta’ Malta hija ferm akbar minn din il-klikka li ġabet dan l-għajb fuq pajjiżna.”

L-appell tal-President kien wieħed, jiġifieri li kull min għandu jerfa’ r-responsabbilità ta’ għemilu jerfagħha u jieħu l-pieni li jġorr miegħu dan l-għemil. “Hu min hu. Ikun min ikun,” insista Vella.

Kompla bl-appell tiegħu biex il-pajjiż janalizza dak li għaddej minnu u jagħmel dan mingħajr ma jħares lejn l-uċuh, mingħajr preġudizzji, mingħajr aġenda politika, mingħajr preġudizzji, mingħajr aġenda politika u “mingħajr ma nwebbsu rasna.”

Dawn id-dikjarazzjonijiet qiegħed nagħmilhom b’qalb tqila u b’dispjaċir kbir. Qatt m’għaddieli minn moħħi li xi darba ser nasal biex nitkellem b’dan it-ton fuq pajjiżna

“Dawn huma ċirkostanzi li skussjaw is-soċjetà Maltija. Dawn huma ċirkostanzi li heżżew l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna. Dawn huma ċirkostanzi li ħammġulna isimna madwar id-dinja,” insista l-President Vella.

Insista li din is-sitwazzjoni qed ikollha effett ħazin ħafna fuq il-kredibilità, fuq in-negozji, fuq l-investiment, fuq it-turiżmu, u fuq l-isem tajjeb li Malta dejjem ġarret magħha fl-oqsma internazzjonali.

“Dawn id-dikjarazzjonijiet qiegħed nagħmilhom b’qalb tqila u b’dispjaċir kbir. Qatt m’għaddieli minn moħħi li xi darba ser nasal biex nitkellem b’dan it-ton fuq pajjiżna,” insista Vella.

'Tajt il-pariri fejn dehrli li għandi nagħti'

Tkellem  ukoll dwar l-akkużi li ġarrab hu, meta kien hemm min interpreta s-silenzju tiegħu bħala nuqqas.

“Kien hemm min stenna li nitkellem aktar u ngħid aktar. Hemm min għadu jaħseb li bħala President, minbarra l-awtorità morali, għandi xi poteri li bihom nikkmanda x’għandu jsir. Ftit jafu kemm huma limitati l-poteri tal-President. Min-naħa l-oħra huwa veru li l-President għandu ħafna obbligi u responsabbiltajiet. Huma preċiżament dawn li eżerċitajt tul dawn l-aħħar ġimgħat. Użajt dawn, flimkien mal-awtorità mogħtija lili mill-Uffiċċju tal-Presidenza fis-skiet, bl-akbar kunfidenzjalità u bi prudenza,” insista l-President Vella.

Kompla jgħid li hu ta l-pariri li dehrlu li kellu jagħti, anke jekk żamm lura milli jippronunzja ruħu pubblikament.

Fakkar fid-diskors inawgurali tiegħu u appella mill-ġdid għall-għaqda nazzjonali.

Il-President jgħid li kien hemm min uża din l-okkażjoni biex iħammeġ isem il-pajjiż mal-barranin

“Il-poplu Malti jistenna ġustizzja iżda jkun ħażin jekk inħallu s-sentimenti tagħna jinbidlu f’vendetta u f’mibegħda. Ejjew inħallu l-istituzzjonijiet investigattivi u ġudizzjarji tagħna jagħmlu xogħolhom, bla ndħil, b’serenità u b’turija ta’ rispett lejn l-integrità, il-kompetenza u l-indipendenza tagħhom,” appella Vella.

Dar fuq il-poplu Malti. “Magħkom naqsam l-ansjetà u l-inċertezza li naf li qegħdin jiġu diskussi fil-familji, fuq il-postijiet tax-xogħol, u kull fejn jiltaqgħu l-ħbieb flimkien. Ma nħallux l-irjus jisħnu żżejjed. Inkunu moderati fl-imġiba tagħna.

“Il-poplu Malti jistenna ġustizzja iżda jkun ħażin jekk inħallu s-sentimenti tagħna jinbidlu f’vendetta u f’mibegħda. Ejjew inħallu l-istituzzjonijiet investigattivi u ġudizzjarji tagħna jagħmlu xogħolhom

Appella biex isem pajjiżna jibda jiġi mnaddaf, minn dawk li fi kliemu “uża din l-okkażjoni biex ikompli jħammiġna u jċekkinna f’għajnejn il-barrani.”

“Veru li saritilna ħafna ħsara imma ejja bħala Maltin, li fil-maġġoranza tagħna aħna nies onesti, ħabrieka, kapaċi, leali, nirrispettaw il-liġi u lil Alla, inżommu rasna ’l fuq u nkomplu għaddejjin ’il quddiem fil-mixja tagħna, kemm fil-qasam lokali kif ukoll fil-qasam internazzjonli, biex intejbu dejjem aktar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-kwalità tal-ħajja f’pajjiżna, u nsaħħu s-solidarjetà li dejjem għaqqdet lill-poplu Malti. Dawn huma l-valuri u l-vera stampa ta’ Malta,” qal il-President.

Jappella lil min imexxi l-istituzzjonijiet biex ma jħarsux lejn uċuh

Waqt li rrifletta fuq il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u kkundanna dan l-att, appella biex jittieħdu l-miżuri leġiżlattivi u dawk ta’ sigurtà kollha neċessarji biex nassiguraw il-libertà tal-istampa u tal-mezzi ta’ komunikazzjoni f’pajjiżna.

“Fl-istess ħin nappella wkoll lill-ġurnalisti kollha sabiex jirrealizzaw ir-responsabbiltajiet kbar li jġorru f’soċjetà moderna. Nappella wkoll lill-poplu kollu biex jagħmel użu aħjar mill-medja soċjali li, jiddispjaċini ngħid bl-użu ta’ lingwa dispreġġattiva u messaġġi kattivi, saru fonti bla tarf ta’ firda,” kompla l-President.

Lid-Deputati, appellalhom biex jiftakru li d-dover tagħhom huwa l-ħarsien tal-libertajiet fundamentali tal-poplu li jirrappreżentaw u tal-ħolqien tal-ġid biex jitqassam b’mod ekwu fost il-poplu. 

Kulħadd għandu jara li dan it-trapass iwassal biex l-ewwel u qabel kollox tinstab u toħroġ il-verità kollha. Irid ikun assigurat li kull min kien involut, kbir u żgħir, jerfa’ r-responsabbiltajiet tiegħu u jħallas ta’ għemilu

Dahar ukoll fuq dawk li qed imexxu  l-istituzzjonijiet u fakkarhom li f’soċjetà demokratika, huma dawn l-istituzzjonijiet li jassiguraw id-demokrazija u s-saltna tad dritt, u li mingħajrhom titkisser kull ordni u kull ġustizzja

“L-importanti huwa li min imexxi dawn l-istituzzjonijiet jara li jitħalla jagħmel dan bla xkiel, biex ma jħarisx lejn l-uċuħ u lejn xejn aktar fil-qadi ta’ dmirijietu,” appella George Vella.

'Nassiguraw li l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna ma jkunux mhedda f’xogħolhom'

Reġa’ dar fuq il-poplu. “Din mhijiex siegħa faċli. Iżda rridu ngħaddu minnha,” qal il-President. “Kulħadd għandu jara li dan it-trapass iwassal biex l-ewwel u qabel kollox tinstab u toħroġ il-verità kollha. Irid ikun assigurat li kull min kien involut, kbir u żgħir, jerfa’ r-responsabbiltajiet tiegħu u jħallas ta’ għemilu.”

“Ejjew nirfdu fejn sfronda u nibnu pajjiżna mill-ġdid,” kompla jappella lill-President. “Fuq kollox, għandna nassiguraw li l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna ma jkunux mhedda f’xogħolhom u jingħataw is-saħħa u l-ħarsien, biex fis-serenità kollha jaqdu d-doveri tagħhom.”

Reġa’ tenna biex kull kull min iġorr xi forma ta’ responsabbiltà politika, istituzzjonali jew Kostituzzjonali, iwieżen għemilu u jaġixxi wara li fil-kalkoli tiegħu ikun poġġa l-interess nazzjonali qabel l-interess personali.

Temm jikkwota lill-innu Malti u mill-ġdid appella għall-għaqda fost il-Maltin u s-sliem lill-pajjiż.

More in Politika