Boris Johnson b'rebħa elettorali storika; 'Mandat qawwi biex iseħħ Brexit'

Johnson kiseb l-akbar maġġoranza li qatt kellu l-Partit Konservattiv mill-1987 filwaqt li Jeremy Corbyn ħabbar li se jirriżenja

Il-Partit Konservattiv ta' Boris Johnson rebaħ l-elezzjoni ġenerali u kiseb maġġoranza komda biex se jkun jista' jiggverna bi ftit tfixkil.

"Se naħdem lejl u nhar biex inħallas lura għall-fiduċja li tajtuni," saħaq Johnson waqt li ddeskriva rebħa bħala waħda "storika."

Jidher li l-Partit Konservattiv se jkun żied 47 siġġu biex ikun kiseb total ta' 363 siġġu, filwaqt li l-Partit Laburista spiċċa b'disfatta enormi meta tilef 59 siġġu hekk kif eleġġa 203 siġġu fil-Parlament Ingliż.

Fil-fatt, il-Kap tal-Oppożizzjoni Jeremy Corbyn diġà ħabbar li mhux se jkun qed jerġa' jikkontesta elezzjoni bħala Kap tal-Partit Laburista wara d-disfatta li ġarrab.

Fl-ewwel kummenti tiegħu f'Londra, Boris Johnson insista li għandu mandat b'saħħtu biex joħroġ lir-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea x-xahar id-dieħel.

Din ir-rebħa tfisser li l-Partit Konservattiv se jkun qed igawdi l-akbar maġġoranza f'Westminister mir-rebħa li kienet għamlet Margaret Thatcher fl-1987.

Jidher li l-Partit Laburista tilef ħafna voti f'dawk il-kostitwenzi li vvutaw favur Brexit fl-2016, fosthom Wales biex ġarrab l-akbar disfatta elettorali mill-1935.

 

More in Politika