Id-dell jasal fuq Renzi ... Muscat u Schembri deskritti bħala 'l-ħbieb perikolużi' tal-eks PM

Panorama tagħti ħarsa lejn l-aħħar żviluppi f’Malta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u tfakkar kif Renzi dejjem ħareġ għonqu għal Joseph Muscat

Ir-ritratt li kienet ippubblikat Daphne Caruana Galizia ħames xhur qabel inqatlet
Ir-ritratt li kienet ippubblikat Daphne Caruana Galizia ħames xhur qabel inqatlet

Ir-rivista Taljana Panorama llum fetħet il-kanuni kontra l-eks Prim Ministru Taljan u l-mexxej tal-partit ġdid Italia Viva, Matteo Renzi minħabba dawk li qed isejħilhom bħala “ħbiberiji perikolużi” li kellu f’Malta.

Panorama tagħti ħarsa lejn l-aħħar żviluppi f’Malta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u filwaqt li tisħaq li qed ikun implikat l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, tfakkar li fil-ħbiberija li kien hemm bejn Renzi u Joseph Muscat u dawk viċin tagħhom.

Fil-fatt, il-gazzetta tisħaq kif ċertu Sandro Gozi li kien Sottosegretarju għall-Affarijiet Ewropej fil-Gvern ta’ Renzi u Gentiloni, inħatar konsulent tal-Prim Ministru Joseph Muscat meta rriżenja mill-Gvern Taljan.

Il-gazzetta tfakkar fil- mass meeting li Matteo Renzi kien indirizza bħala parti mill-kampanja elettorali tal-Partit Laburista fl-2017. Tfakkar ukoll f’ritratt li ppubblikat Caruana Galizia ħames xhur qabel inqatlet ta’ Joseph Muscat, ma’ Renzi flimkien ma’ Michelle Muscat, Chris Cardona u Sandro Gozi.

Tkompli wkoll tfakkar f’filmat taż-żjara ta’ Muscat f’Palazzo Vecchio f’Firenzi, f’Mejju 2016. Panorama tisħaq li dan il-filmat huwa prova tal-ħbiberija li teżisti bejn l-eks Prim Ministru, Joseph Muscat u Matteo Renzi waqt li tinsisti li waqt din iż-żjara kien hemm preżenti wkoll Keith Schembri.

Ir-rivista titkellem anke ma’ qraba ta’ Daphne, inkluż oħtha Corinne Vella, li tfakkar fi żmien Matteo Renzi kien hemm “fatt stramb” li sal-lum ħadd ma jaf ifhemu, fejn l-immigranti, anke jekk jinstabu fiż-żona ta’ Tiftix u Salvataġġ ta’ Malta kienu qed jiddaħħlu l-Italja.

Kemm Muscat u anke Renzi dejjem ċaħdu li kien hemm xi ftehim sigriet bejniethom dwar l-immigranti. 

More in Politika