Protesta fil-Belt Valletta fl-istess ħin taċ-ċelebrazzjonijiet ta' Jum ir-Repubblika

Skont il-programm tal-attivitajiet il-Prim Ministru mhux se jipparteċipa u minfloku se jibgħat lid-Deputat Prim Ministru Chris Fearne

Repubblikau #OccupyJustice sejħu protesta fil-Belt Valletta għal nhar il-Ġimgħa 13 ta’ Diċembru, fl-istess ħin li jkunu għaddejin iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum ir-Repubblika.

Il-protesta se tibda fid-9:15am quddiem il-Qorti.

“L-aqwa mod kif niċċelebraw Jum ir-Repubblika huwa billi niddefendu lir-Repubblika mix-xibka ta’ kriminalita’ li ħatfet l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna,” saħqu l-għaqdiet.

Skont il-programm ta’ Jum ir-Repubblika, fid-9:30am, kontinġent tal-Forzi Armati ta’ Malta akkumpanjati mill-Banda se jitilqu minn ħdejn il-bini tal-Parlament sa Pjazza San Ġorġ.

Fl-10:00am, tibda l-parata ċerimonjali li għaliha se jattendu l-President ta’ Malta.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat mhux se jieħu sehem u minfloku se jipparteċipa d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne.

Repubblika u #OccupyJusticeqed iħeġġu lill-Maltin u lill-Għawdxin biex magħhom jieħdu kartelluni u sfafar.

More in Politika