L-ewwel diskors ta’ Joseph Muscat ... jiżra’ żerriegħa tajba li ħanaqha x-xewk

L-ILLUM tfakkar fl-ewwel kelmiet ta’ Joseph Muscat bħala Mexxej Laburista. X’kien qal? X’kien wiegħed? Żamm kelmtu? 

Joseph Muscat jidħol għall-ewwel darba fl-uffiċċju tal-mexxej
Joseph Muscat jidħol għall-ewwel darba fl-uffiċċju tal-mexxej

“Inħobbkom.” Din kienet l-ewwel kelma ta’ Joseph Muscat fl-ewwel diskors tiegħu bħala Mexxej tal-Partit Laburista (dak iż-żmien il-Malta Labour Party) f’Ġunju tal-2008. Forsi ma kienx għadu jitkellem tajjeb daqskemm hu kapaċi jwassal messaġġ illum, iżda dakinhar Muscat deher bħala dak il-mexxej li kien se jħeġġeġ mill-ġdid il-fjamma tat-torċa li xi ftit jew wisq kienet bdiet tnemnem, forsi frott l-apatija, riżultat tad-disfatti elettorali li l-Partit kien ġarrab.

Il-gazzetta ILLUM se terġa’ tagħti ħarsa lejn dan id-diskors qasir iżda mimli tama għall-futur. Muscat kien għad għandu biss 34 sena, xi ftit jew wisq imbaċċaċ u bil-goatee. Bħala l-aktar mexxej żagħżugħ li qatt kellu l-Partit Laburista, mill-ewwel ta l-impressjoni li se jagħmel l-affarijiet differenti. Tefa’ fil-ġenb il-podium, qabad il-mikrofonu u tkellem mal-partitarji daqslikieku qed jitkellem mal-ħbieb.

Kos hux! X’differenza mill-messaġġ ta’ nhar il-Ħadd li għadda? Bilqiegħda fuq pultruna, f’kamra mudlama mimlija dellijiet, kważi kważi tirrifletti dak li għaddiet minnu t-tmexxija ta’ Joseph Muscat fl-aħħar ġimgħat. Ftaħar b’dak li rnexxielu jwettaq, forsi biex iżomm ħajja t-tama li saħħaħ meta ħa f’idu t-tmexxija tal-Partit Laburista u jnaqqas mid-disfatta li ġarrab. Iżda jgħid x’jgħid u jagħmel x’jagħmel, dan żgur mhuwiex it-tluq li Joseph Muscat kien qed jippjana. Żgur li ma kienx fir-roadmap.

Iżda ejjew nerġgħu mmorru lura għal Ġunju tal-2008 biex niftakkru f’dak li kien qal Muscat. 

Messaġġ ta’ għaqda u nostalġija...

L-ewwel u qabel kollox kien messaġġ ta’ għaqda, xi ħaġa li Joseph Muscat żgur irnexxielu jagħmel fil-Partit Laburista u lil hinn għax huwa fatt li ma dak li hu jsejjaħlu “moviment” ingħaqdu nies li qatt qabel ma basru li se jivvotaw lill-Partit Laburista. Kif għidna, dawn raw f’Joseph tama u forsi wieħed għalhekk jifhem għaliex diversi huma dawk li afdawh, iżda li f’dawn il-jiem qed iħossuhom imweġġa’ u forsi rrabjati wkoll.

Semma lill-preduċessuri tiegħu, inkluż lil Alfred Sant, iżda miss verament qalb il-Laburisti ‘ta’ minn ġuf ommhom,’ meta semma lil Dom Mintoff li ftit wara laqgħu u dawru fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.

“Inħoss unur, piż u responsabbilità għax naf li ġej wara dak li kien għadu u se jibqa’ missier il-Partit Laburista. Dom Mintoff,” kien qal Muscat. “Isem il-Perit Mintoff mhu se jħassru qatt minn qalbna.”

żda jgħid x’jgħid u jagħmel x’jagħmel, dan żgur mhuwiex it-tluq li Joseph Muscat kien qed jippjana. Żgur li ma kienx fir-roadmap

Hawnhekk Muscat jagħmel messaġġ importanti ta’ għaqda u jidher bħala l-mexxej li se jibni l-pontijiet, proġett li rnexxielu jwettaq: “Iż-żmien, jekk qatt kien hemm, fejn xi ħadd minnha kellu jagħmel l-għażla jekk huwiex ta’ Mintoff jew ta’ Sant jew ta’ ħaddieħor, issa spiċċa. Aħna kollha tal-Labour. Kollha.”

Fil-fatt, għall-ewwel diskors tiegħu, Joseph Muscat kien stieden b’mod personali lil dawk li xi darba jew oħra kienu Deputati Laburisti. “Intom postkom magħna.”

L-istess messaġġ għaddieh lil dawk li kienu ħadmu għall-kandidati l-oħra għall-kariga tal-mexxej. “Mil-lum ’il quddiem ma hemmx ta’ kandidat jew ieħor. Aħna kollha tal-Partit Laburista.” Ngħiduha kif inhi, irnexxielu u kif! Ma hemmx għalfejn inqablu ma’ dak li qed jiġri ftit passi ’l isfel miċ-ĊNL. Kulħadd jaf x’inhu għaddej.

Iwiegħed staġun politiku ġdid...

Iżda l-aktar wegħda importanti li jagħmel Joseph Muscat f’dan id-diskors hija dik għal “staġun politiku ġdid.” “Irridu nkunu onesti mal-poplu Malti. Iva, fejn fil-passat żbaljajna jiddispjaċina. Imma fil-passat għamilna ħafna affarijiet tajbin u se nfakkruhom ukoll.” 

Hawn nieqfu u nirriflettu ftit. Ngħiduha kif inhi. Il-Gvern ta’ Muscat għamel ħafna tajjeb u dan rajnieh f’artikli oħra li qed tippubblika llum din il-gazzetta. Iżda meta jgħaddu s-snin, il-Gvern ta’ Joseph Muscat għal xiex se jibqa’ mfakkar? Se niftakru fit-tajjeb? Jew se niftakru biss f’dawn l-aħħar ġimgħat? X’aktarx, li l-aħħar żviluppi tefgħu f’dell perpetwu kull ħaġa li rnexxielu jwettaq.

Hawnhekk Muscat jibda jqawwi l-qlub, anke jekk il-PL kien għadu kemm tilef elezzjoni oħra. “Il-Partit li għandu lil dawn in-nies fi ħdanu huwa partit b’saħħtu u partit li se jimxi ’l quddiem.”

Jirrakkonta storja u jqawwi l-qlub...

Jippassiġġa min-naħa għall-oħra tal-palk, Muscat jgħidilna storja. Jirrakkonta l-istorja ta’ tifel li kiber f’familja sempliċi. Ħafna minn qrabatu kienu bdiewa. It-tifel kien jikkomprometti fl-iskola. 

“Kieku ma kienx hemm partit partikolari ma setax jidħol l-Università. Dan it-tifel kiber, iżżewweġ (iħares lejn Michelle u jidħak) u għadda disa’ xhur ta’ tertiq ta’ qalb fejn li kieku ma kienx hemm sistema ta’ saħħa li, ikkontribwixxa għaliha kulħadd, imma li bdieha partit partikolari, uliedu ma kinux isalvaw, kienu jmutu.”

“Dan il-bniedem meta jħares lejn il-ġenituri u lejn in-nanniet tiegħu, jaf li kieku l-ġrajja tiegħu seħħet 50 sena qabel, kien ikollu jinkwieta li ommu u missieru kienu se jmutu bil-ġuħ meta jieqfu jaħdmu, imma għax kien hemm partit partikolari se jkollhom dinjità ta’ pensjoni biex jgħixu ... dak il-bniedem huwa jien. Dak il-partit huwa intom,” qal Muscat. “Tajtuni ħafna u rrid inroddulkom lura kollu kemm hu.”

Hawn Muscat jindirizza tliet persuni partikolari li għenuh u mbuttawh ’il quddiem. L-ewwel wieħed kien George Vella, illum President tar-Repubblika, it-tieni lil Marlene Farrugia (dak iż-żmien Pullicino) u fl-aħħar lil Maria Camilleri.

Min jaf dawn x’jaħsbu fuqu llum? Marlene Farrugia żgur li ma għadhiex iċċapċaplu, anzi saret waħda mill-akbar kritiċi tiegħu. George Vella kien dak li mbuttah biex joħroġ għal mexxej tal-Partit Laburista. Ironikament illum huwa l-President li quddiemu Muscat kellu jmur bid-disfatti f’idu biex jgħidlu li se jirriżenja. Interessanti kif daħal fil-politika ħafna warajhom u spiċċa biex telaq qabilhom ukoll.

“Lawrence Gonzi, the honeymoon is over”

Hawnhekk mill-folla, partitarju kien għajjat: “Mhux ta’ b’xejn imwerwrin in-Nazzjonalisti.” Għal dak li kien qal dan il-partitarju, Muscat wieġeb: “Lawrence Gonzi, the honeymoon is over ... we are back in business big time.”

Dan il-partitarju kien xi ftit jew wisq profetiku. Għax Muscat mhux biss qajjem fuq saqajh lill-Partit tiegħu iżda niżżel għarkopptejh lill-Partit Nazzjonalista. Ħasra li minħabba n-nuqqas ta’ azzjoni tiegħu fuq dawk ta’ madwaru, spiċċa biex issa daħħal lill-Partit Laburista fi kriżi, li anke jekk mhux se ttelfu elezzjoni, se jdum imċappas biha.

“Iva nistgħu. Għax se nkunu Oppożizzjoni. Se nkunu l-wiċċ ta’ Malta ġdida. Dan il-partit se jiftaħ il-bibien tiegħu għal kulħadd ... min ma ħassux komdu fl-aħħar snin, ġimgħat, jiem, il-bibien tagħna se jkunu miftuħin. Fejn mhux se jiġu huma, se mmur jien,” kien qal Muscat. “Imbagħad irridu nħarsu ’l quddiem biex nattiraw lejna nies li forsi qatt ma ħolmu li jkunu parti mill-Partit Laburista.”

It-terremot ta’ Muscat...

Hawn Muscat jirrifletti fuq l-iskop tal-Partit Laburista. Fi kliemu “neċċedu u nisbqu l-aspirazzjonijiet ambjentali, ekonomiċi u soċjali tal-Maltin u l-Għawdxin kollha. Biex hekk inwettqu l-ħolma li Malta tkun l-aqwa fl-Ewropa.” L-aspirazzjonijiet ambjentali ma naħsibx li Muscat eċċedihom, għall-kuntarju. Dawk ekonomiċi u soċjali forsi. Li hu żgur huwa li baqa’ konsistenti meta jgħid li jrid li Malta tkun l-aqwa fl-Ewropa. Ekonomikament vera. Fejn jidħlu drittijiet ċivili vera wkoll. Imma x’ħasra li llum l-Ewropa qed tħares lejna għar-raġunijiet il-ħżiena!

Il-famuż terremot. “It-terremot intern li se nkunu qed inwettqu fix-xhur li ġejjin, forsi mhux se jogħġob lil kulħadd ... imma huma bidliet bżonjużi,” kien qal Muscat. Ħasra li t-terremot laqat ukoll il-kurituri ta’ Kastilja, heżżiżha mis-sisien u żgur li ma għoġobx lil kulħadd.

Reġa’ wiegħed staġun politiku ġdid u qal li mhux biss se jkunu Oppożizzjoni soda, iżda se taħdem ukoll id f’id mal-Gvern fejn ikun hemm bżonn. Kien qal li se jiltaqa’ ma’ Lawrence Gonzi biex jiffurmaw front wieħed, biex “l-Oppożizzjoni mhux tfixkel iżda tgħin.”

Tirrifletti ftit dwar dan, kważi kważi tħoss in-nuqqas ta’ dak iż-żmien. Kienu rivali, iżda Lawrence Gonzi u Joseph Muscat dejjem irrispettaw lil xulxin. Mas-suċċessuri ta’ Gonzi, Muscat ma tantx qabel u t-tensjoni politika baqgħet teskala ġurnata wara l-oħra biex wasalna fejn qegħdin illum.

“Dak huwa l-istil politiku ġdid li tant hawn għatx għalih,” jgħid Muscat. Ħasra li sitt snin wara li sar Prim Ministru minn dan l-istil politiku ġdid ma fadalx lanqas farka u Muscat se jitlaq iġorr bagalja kbira ta’ nuqqasijiet, anke jekk forsi ħafna minnhom huma frott l-egoiżmu ta’ dawk ta’ madwaru.

Qaleb id-diskors u qal li jrid jagħmel miċ-Ċentru Nazzjonali Laburista “l-akbar fabbrika ta’ ideat progressivi ta’ dan il-pajjiż.” Hawnhekk lil Muscat ninżgħulu l-kappell.

“Jgħidu li aħna l-Laburisti nitbaqbqu. Imma għax qiegħed f’demmna. Dak it-tbaqbiq politiku, jiena rrid insarrfu f’enerġija enormi, pożittiva, ta’ ġenerazzjoni rebbieħa,” kompla Muscat.

“Għajtuli Joseph ... wara Joseph ma hemm ħadd...”

L-immaġini għal Joseph Muscat kienet importanti u sa mill-ewwel diskors tiegħu. “Taf kemm nieħu gost tgħajtuli Joseph u hekk ibqgħu għajtuli,” kien qal lill-partitarji. Obdewh.

Kieku kellu jerġa’ jirrepetiha llum, it-tweġiba ta’ bosta x’aktarx li se tkun: “Joseph warajk kien hemm Keith, l-akbar żball tiegħek.” Wara kollox, hu stess qal li qed iħossu “ttradut” minnu

“Kont Joseph, għadni Joseph u se nibqa’ Joseph u wara Joseph ma hemm ħadd,” kien kompla jisħaq. Kieku kellu jerġa’ jirrepetiha llum, it-tweġiba ta’ bosta x’aktarx li se tkun: “Joseph warajk kien hemm Keith, l-akbar żball tiegħek.” Wara kollox, hu stess qal li qed iħossu “ttradut” minnu.

“Ħobbuha għax hi tħobbkom”

Lura għad-diskors. Hawn Joseph idur fuq Michelle. Żgur li l-aktar frażi popolari ta’ dan id-diskors kienet: “Ħobbuha għax hi tħobbkom.” Għal Joseph il-famija minn dejjem importanti. Kienet parti mill-pakkett tal-immaġini tiegħu u hekk se tibqa’ sal-aħħar ġurnata, tant li mil-lum qed idur il-lokalitajiet akkumpanjat minn martu u minn uliedu.

“Isse se noħorġu minn hawn u se nwasslu messaġġ wieħed. Il-Partit Laburista huwa magħqud... din id-dar tagħna lkoll ... aħna familja waħda, familja Laburista, familja Maltija, familja Għawdxija...” temm jgħid Joseph.

Minn hemm jibda l-vjaġġ ta’ Joseph Muscat tul ħdax-il sena. Minn ħadd, għal rebbieħ, għal eroj, għal “tradut.”

More in Politika