Nicole Buttigieg mhedda b'ittra anonima ... L-IĠM jgħid li dan huwa inaċettabbli

Il-ġurnalista tal-ONE tirċievi ittra ta' theddid. L-IĠM tgħid illi dan il-każ isegwi sensiela ta’ inċidenti fl-aħħar jiem fejn ġurnalisti kienu mhedda, intimidati, imbuttati u ssuttati

Nicole Buttigieg
Nicole Buttigieg

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) jikkundanna t-theddid li sar fuq ġurnalista tal-ONE aktar kmieni llum, Nicole Buttigieg.

F’rapport li l-IĠM irċieva illejla, ġie infurmat li ġurnalista irċiviet ittra ta’ theddid fid-dar privata tagħha u li għalih, il-ġurnalista kellha tirrikorri għand il-Pulizija biex tagħmel rapport.

L-IĠM tenna fi stqarrija li l-ebda forma ta’ theddid u intimidazzjoni fuq membru jew membri tal-korp ġurnalistiku ma jiġi ttollerat jew aċċettat u għandu jiġi kkundannat bil-qawwa kollha.

L-IĠM juri solidarjetà mal-ġurnalista Buttigieg.

Fakkar illi l-irwol tal-ġurnalist hu fundamentali f’demokrazija, u huwa ta’ għajb kbir li nies li b'dedikazzjoni u sagrifiċċji jwettqu xogħolhom b’servizz lejn il-pubbliku, ikollhom iħabbtu wiċċhom ma’ atti kodardi bħal dawn.

"Dan il-każ isegwi sensiela ta’ inċidenti fl-aħħar jiem fejn ġurnalisti kienu mhedda, intimidati, imbuttati u ssuttati, każi li fihom l-IĠM ħarġet tikkundanna bla ebda riżerva. Insejjħu biex il-korp tal-Pulizija joffri il-protezzjoni meħtieġa lejn il-membri tal-korp ġurnalistiku u jinvestiga il-każ, kif għandhom jiġu investigati il-każi kollha ta’ theddid fuq ilmembri tal-istampa u x-xandir, biex jinstab min kien wara dan it-theddid u jitressaq quddiem il-ġustizzja."

More in Politika