'B'umiltà nwieġeb iva għas-sejħa tagħkom' - Robert Abela uffiċjalment fit-tiġrija

Robert Abela uffiċjalment fit-tiġrija għal Mexxej Laburista ġdid ...

Robert Abela, jieħu b'idejn in-nies fl-2016
Robert Abela, jieħu b'idejn in-nies fl-2016

Robert Abela, iben George Abela u r-raġel ta' Lydia Abela li hija President tal-Kumitat Eżekuttiv Laburista ħabbar illi se jkun fit-tiġrija għal Mexxej Laburista ġdid. 

F'messaġġ fuq Facebook huwa sostna li bl-imħabba tal-poplu u l-appoġġ tal-familja warajh, "b'umiltà nwieġeb iva għas-sejħa qawwija tan-nies li nitfa' n-nomina tiegħi għall-ħatra ta' Mexxej tal-Partit Laburista." 

"Flimkien se nżommu ħajja l-fjamma li tagħmilna kburin b'pajjiżna u bil-Partit Laburista," temm jgħid Abela. 

Abela bħalissa jokkupa l-kariga ta' konsulent fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u ġej minn familja marbuta u sinonima mal-Partit Laburista. Fil-fatt missier Robert huwa l-President Emeritus George Abela li kien fit-tiġrija għat-tmexxija tal-Partit Laburista wkoll fl-2008, liema tiġrija kien rebaħ Joseph Muscat. 

It-tħabbira ta' Abela tiġi ftit sigħat wara li Fearne ħabbar li anke hu se jikkontesta din il-kariga, aħbar li wasslet għall-approvazzjoni ta' ħafna mill-membri tal-kabinett, anke ta' Konrad Mizzi. 

L-ewwel biex jagħti appoġġ lil Abela kien is-Segretarju Parlamentari Aron Farrugia li sostna illi dan hu l-mument li kulħadd jingħaqad għall--ġid tal-partit u rringrazzjah talli tefa' ismu għat-tmexxija tal-partit. Anke s-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli sostniet illi Robert huwa bniedem sod, kompost u b'ghajn analitika.

"Kwalitajiet tajbin ghal mexxej," sostniet Farrugia Portelli. 

 

More in Politika