'Keith ġie għandi, qalli x'għandi ngħid lill-pulizija u wissewni biex noqgħod attent ...'

Yorgen Fenech jixhed fil-Qorti illi Keith Schembri mar għandu meta kien fuq police bail meta kien meħlus mill-arrest u qallu x'għandu jgħid lill-pulizija

Keith Schembri
Keith Schembri

Illum fil-Qorti Yorgen Fenech qal illi Keith Schmebri kien qed jagħtih informazzjoni dwar l-investigazzjonijiet u dak kollu li kien qed jiġri fir-rigward tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia. 

Fenech qal illi Keith Schembri saħansitra tah noti ta x'għandu jgħid lill-Pulizija. "Jiena segwejt dawk in-noti li tani Schembri. Ingħatajt noti qabel ma kont arrestat u nhar il-Ħadd meta kont fuq Police bail u ġie d-dar tiegħi." 

Fil-fatt, dalgħodu Fenech, meta kien qed jixhed fil-kawża li fetaħ biex jitneħħa l-Ispettur Keith Arnaud mill-każ li infetaħ kontrih qal illi hu u Keith Schembri kienu qishom aħwa u kienu jkunu ħafna d-dar ta' xulxin u jsiefru flimkien. 

Fenech qal illi Schembri kien infurmah li kellu l-konverżazzjonijet tiegħu permezz tal-mowbajl intraċċati.  Hu qal li Schembri saħansitra ta informazzjoni dwar il-fatt li Vince Muscat, magħruf bħala l-Koħħu kien qed jitlob li tingħatalu l-maħfra, xi ħaġa li fil-fatt ma ġratx. 

Yorgen qal lill-Qorti illi Schembri kien iġib l-informazzjoni mill-Ispettur Arnaud hekk kif l-eks Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Muscat kellu relazzjoni tajba ma' dan ukoll. Fil-fatt Schembri kien qed jieħu l-informazzjoni kollha minn Arnaud.  

Fil-fatt jgħid li darba minnhom fid-Depot Arnaud kien qalluli fl-aħħar tal-mina hemm id-dawl u jeħtieġ ikun responsabbli f'dak li jgħid u joqgħod attent lil min jinvolvi.

Yorgen staqsa jekk Arnaud kienx qed jirreferi għal Keith Schembri, bir-risposta ta' Arnaud tkun, "iva". 

Fenech qal fil-Qorti dalgħodu li hu suppost ma kellux isemmi lil Schembri "imma r-rekordings u l-evidenza kollha qed juru li hemm rabta bejn Schembri u l-qtil."

More in Politika