'Jiddispjaċini li fl-2016 ma ħadtx pożizzjoni iżjed iebsa fuq dak li ġara'

Il-Ministru Evarist Bartolo jwissi dwar gvern li jaħdem minn wara l-kwinti u li huwa aktar b'saħħtu minn dak li jidher fuq il-palk

“Kemm jiddispjaċini li fis-sena 2016 ma ħadtx pożizzjoni iżjed iebsa fuq dak li ġara.” Dan kien kliem il-Ministru Evarist Bartolo dalgħodu b’referenza għaż-żmien meta ħarġu fil-beraħ il-Panama Papers.

Il-Ministru Bartolo saħaq li dan iqisu bħala wieħed mill-iżbalji fil-ħajja politika tiegħu.

“Messni ma qbadtx u emmint id-diskors li kienu qalulu: li se nitgħallmu minn dik l-esperjenza u ma nħallux li jkollna Gvern wara l-kwinti iżjed b’saħħtu minn dak li jidher fuq il-palk,” stqarr il-Ministru.

Huwa fakkar li f’Mejju 2016 huwa kien wissa dwar “forzi fis-soċjetà li għandhom influwenza aktar milli suppost, “u saħaq li jekk din “ ma tkunx imrażżna u ma tkunx skrutinizzata, tkun ta’ periklu għad-demokrazija.”

“Aħna għandna networks ta' nies li jinħabbu mal-partiti u jipprovaw jinfiltraw il-partiti biex jiggwadanjaw huma personali. Dik hija xi ħaġa li hija importanti li ngħassu għax ħafna drabi mhux dak li jiġri fuq il-palk huwa importanti imma dak li jiġri minn wara l-kwinti,” kompla l-Ministri.“U ċ-ċittadini mhux dejjem ikunu jafu x'qed jiġri minn wara l-kwinti.”

Kien hawn li appella biex jittieħdu l-passi kollha meħtieġa biex indaħħlu istituzzjonijiet f'pajjiżna li jżommu skrutinju sħiħta' kif jittieħdu d-deċiżjonijiet “għax inkella tispiċċa bil-periklu ta' gvernijiet paralleli, bil-gvern li jidher fuq il-palk u l-gvern ta' wara l-kwinti,"tenna jgħid il-Ministru.

More in Politika