Il-familja ta' Daphne titlob lill-Qorti biex tordna investigazzjoni fuq il-Prim Ministru

Il-protest ġudizzjarju jisħaq li l-Prim Ministru għandu jwaqqaf minnufih l-involviment tiegħu fil-każ

Il-familja tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia ressqu protest ġudizzjarju quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili li permezz tiegħu qed jisħqu li l-Prim Ministru ma jibqax involut fl-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u hu stess jiġi mistħarreġ b’mod immedjat.

Fil-protest, il-familja Caruana Galizia fakkret li sa ftit minuti qabel ġie arrestat, Keith Schembri kien għadu Chief of Staff, pożizzjoni li serva għal diversi snin tant li kien preżenti għal-laqgħat mas-Servizzi Nazzjonali tas-Sigurtà u kien saħansitra konxju tal-informazzjoni li kellu f’idu l-Prim Ministru dwar dan il-każ.

Ifakkar, li Keith Schembri qed ikun implikat minn Yorgen Fenech bħala kompliċi fil-każ tal-assissinju, fejn saħansitra għadda noti lill-istess Fenech. Fl-istess żmien, kien mistoqsi wkoll il-Ministru Chris Cardona.

Il-Prim Ministru kien qed jinvolvi ruħu f’diversi aspetti tal-investigazzjoni u “jidher li għażel li jibqa’ jagħmel dan sa Jannar 2020,” tkompli l-familja.

Kien għalhekk, li fi kliemhom, intefa’ dell fuq l-investigazzjoni u dan qed jikser il-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem u anke l-liġi Maltija.

Propju għalhekk li l-familja talbet li l-Prim Ministru jwaqqaf immedjatament l-involviment tiegħu u jkun investigat biex “hekk ikunu magħrufa u ppreservati l-fatti kollha.”

More in Politika