Fenech jittella' l-Qorti akkużat li organizza u ħallas għall-qtil ta' Daphne Caruana Galizia

L-Ispettur Keith Arnaud iwieġeb 'iva' meta d-difiża tistaqsi jekk Keith Schembri kienx parti mill-investigazzjoni

Il-vann b'Fenech fih | Ritratt James Bianchi
Il-vann b'Fenech fih | Ritratt James Bianchi

Yorgen Fenech, is-sid tal-kumpanija 17 Black u eks Direttur tal-Electrogas ttella' l-Qorti u qed ikun akkużat li organizza u ffinanzja l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia. 

Il-Qorti kienet mitluba tissekwestra l-assi ta' Fenech, imma d-difiża appellat biex dan ma jsirx. L-akkużat wieġeb mhux ħati

L-Ispettur Keith Arnaud tela' jixhed u kien mistoqsi jekk Keith Schembri kienx parti mill-investigazzjoni tiegħu bit-tweġiba tkun fil-pożittiv.

In-negozjant Malti ġie arrestat meta nqabad ħiereġ fuq jott ġimgħa u nofs ilu minn Portomaso. Jidher li l-Pulizija kienu ilhom xhur isegwu lil Fenech fejn saħanistra, anke bil-permess tal-Prim Ministru, is-Servizzi Sigrieti Nazzjonali interċettaw telefonati tiegħu.

Isem Fenech isemma wkoll minn Melvin Theuma, l-intermedjarju li ngħata l-maħfra Presidenzjali. Fenech qed jimplika wkoll lill-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u qed jisħaq li għandu recordings ta' telefonati. Minkejja dan, Schembri nħeles mill-arrest bil-Pulizija tgħid li ma kienx hemm bżonn li żżommu għal aktar interrogazzjoni. Fenech ukoll talab il-maħfra Presidenzjali biex jikxef informazzjoni u din ġiet miċħuda kemm mill-Prim Ministru u anke mill-Kabinett wara laqgħa ta' seba' sigħat bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa.

L-arrest ta' Fenech wassal lill-Gvern għal kriżi kbira, bir-riżenja ta' Schembri nnifsu, il-Ministru Konrad Mizzi u s-sospensjoni tal-Ministru Chris Cardona.

Imdendla wkoll ir-riżenja tal-Prim Ministru Joseph Muscat.

More in Politika