'Il-PM ma jistax jibqa' jokkupa l-kariga ... wara sitt snin jaqbeż għal Keith'

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista jisħaq illi wara li ilu sitt snin jaqbeż għal Keith Schembri, Muscat ma jistax jibqa' jokkupa l-kariga ta' Prim Ministru

Adrian Delia
Adrian Delia

Meta kien qed jirreaġixxi għall-iżviluppi drammatiċi llum hekk kif Keith Schembri rriżenja u qed ikun interrogat, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia sostna illi l-pożizzjoni tal-Prim Ministru hija kompromessa u "ma jistax jibqa' jokkupa din il-kariga, fl-aqwa interess ta' pajjiżna u fl-aqwa interess tan-nies. Muscat ilu sitt snin jagħlaq għajnejh." 

Delia fakkar illi Muscat ilu jiddefendi lil Keith Schembri minn meta kienu żvelati l-kumpaniji fil-Panama, ġurisdizzjoni finanzjarja li topera b'segretezza. "Baqa' jappoġġjah sal-aħħar u issa qed jgħid li m'għandux responsabilità." 

Delia fakkar illi għal żbalji ħafna iżgħar minn dawk ta' Schembri, li jsejħilhom "gravi", Muscat talab riżenji, mill-eks Ministru Manuel Mallia u l-Ministru Michael Farrugia. "Imma f'dan il-każ, le!"

Finalment il-Kap tal-Oppożizzjoni għamel elenku tal-istorja ta' Keith Schembri u fost l-oħrajn fakkar kif meta inkixfu dawn il-kumpaniji l-Prim Ministru kien qal li m'għandux problema bihom. Fakkar kif minkejja informazzjoni li ħarġet, fosthom rapport tal-FIAU li kien jgħid illi dawn it-tnejn jista' jkun li kienu parti minn attivitajiet ta' ħasil ta' flus mill-bejgħ ta' passaporti, il-Kummissarju tal-Pulizija kien qal illi m'hemmx biżżejjed biex Schembri u Mizzi jkunu investigati. 

 

 

More in Politika