Protesta llejla sigħat wara r-riżenja ta' Keith Schembri li qed ikun interrogat bħalissa

Repubblika tħabbar protesta hekk kif dalgħodu rriżenja Keith Schembri, li qed ikun interrogat

L-għaqda Repubblika mexxiet il-protesta li kienet organizzat għal għada, illum. Dan hekk kif Keith Schembri l-eks Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, irriżenja u huwa mifhum li qed ikun interrogat fid-depot bħalissa. 

Mhux ċar fuq liema każ qed ikun interrogat dwaru Schembri għalkemm huwa mifhum li Yorgen Fenech kixef informazzjoni dwar ħasil ta' flus u korruzzjoni. 

Intant Repubblika sostniet li "l-affarijiet issa huma ferm u ferm aktar urġenti. Keith Schembri m'għadux fil-Berġa ta' Kastilja. Imma jibqa' l-ħabib, l-alleat u l-kompliċi tal-Prim Ministru ta' Malta."

Fl-istqarrija Repubblika kompliet tgħid li "ma jistax ikollna ġustizzja jekk nibqgħu hekk. Daphne ma jistax ikollha ġustizzja jekk nibqgħu hekk. II-familja ta' Daphne ma jistax ikollha ġustizzja jekk nibqgħu hekk. Pajjiżna, ismu u niesu ma jistgħux ikollhom ġustizzja jekk nibqgħu hekk."

Għalhekk Repubblika ħabbret li llejla se terġa torganizza protesta, ilejla fis-7:00 p.m fi Pjazza Kastilja. 

 

More in Politika