Yorgen Fenech: L-effetti u x-xenarji politiċi possibbli għal-Labour u l-PN, Keith u Konrad

Is-sebat'ijiem li għaddew kienu iddominati mill-arrest tas-sid tal-kumpanija 17 Black. Dan l-iżvilupp kruċjali u jaħraq jista’ jgħolli jew ikisser filwaqt li jista’ jagħti skop għal partiti. L-ILLUM tħares lejn ix-xenarji politiċi li jistgħu jseħħu fiż-żmien li ġej

Yorgen Fenech
Yorgen Fenech

Din il-ġimgħa kienet iddominata, mill-ġdid fuq il-kwistjoni tal-Panama Papers, iżda din id-darba l-kwistjoni kollha ddur mal-kumpanija 17 Black hekk kif sidha, jiġifieri Yorgen Fenech kellu d-dgħajsa interċettata filwaqt li hu kien arrestat. L-ewwel rapporti mill-ewwel bdew jindikaw li fil-fatt Fenech ġie arrestat fuq is-suspett fondat li kien parti mill-assasinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Minn hemmhekk qamu l-irwiefen, bdew l-għajtiet ta’ riżenji u l-borma politika li kienet diġà qed tbaqbaq wara diversi kwistjonijet u kontroversji (immigrazzjoni, permess għal villa fil-Qala, Keith Schembri ...) bdiet tfur.

Il-gazzetta ILLUM tagħti ħarsa lejn l-effetti politiċi possibbli li jista’ jkollu dan il-każ hekk kif ikompli jiżvolġi f’kuluri u dellijiet differenti.

Il-PM joħroġ iktar b’saħħtu minn din

Wieħed mix-xenarji politiċi possibbli huwa li l-Prim Ministru, minkejja kollox, joħroġ aktar b’saħħtu minn din il-biċċa xogħol.

Nibdew mill-fatt illi Muscat wera lilu nnifsu, matul is-snin bħala politiku li jissopravivi minkejja sfidi li jistgħu jidhru li huma kbar wisq.

Muscat salva l-ħruġ tal-Panama Papers, skandlu internazzjonali li wassal għal diversi riżenji u minkejja kollox (jekk mhux ġiet favurih) salva l-kwistjoni ta’ Egrant.

Il-ħruġ tal-istorja dwar Egrant għolliet it-temperatura politika b’mod qawwi ħafna, b’prattikament kulħadd f’Malta jitkellem dwar l-allegazzjonijiet. Minkejja dan iżda, fl-aħħar mill-aħħar in-nies lil Muscat emmnu jew inkella jekk ma emmnuhx fuq Egrant xorta ħassew illi jekk hix tiegħu jew le hija ta’ ftit konsegwenza għalihom. Fl-2017 reġgħu vvutawlu b’maġġoranza ta’ kważi 40,000 vot.

Minkejja s-serjetà tal-konnessjonijiet bejn Fenech u Schembri kif ukoll Mizzi, Muscat jista’ jiddependi fuq diversi fatturi. L-ewwel nett Muscat jista’ jgħid b’element ta’ kunfidenza u fattwalità li żamm mal-kelma tiegħu li mhux se jħalli xejn mistur u għall-fortuna. Muscat jista’ jikkredita lilu nnifsu bil-fatt illi minkejja kull kritika kontra, il-każ beda jinkixef biċċa, biċċa.

Ta’ min wieħed jiftaħ parentesi storika u jfakkar illi jekk il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia jkun solvut, inkunu ktibna l-istorja bl-ewwel qtil ‘politiku’ soluvut mit-tiri li qala’ Raymond Caruana u l-ittra bomba ta’ Karin Grech.

It-tieni nett, minkejja li diġà hemm konnessjoni politika permezz ta’ 17 Black, Muscat jista’ jgħid, fil-fatt kif diġà qal, m’hemm xejn li jgħaqqad l-assasinju ta’ ġurnalista ma’ xi ħadd fil-Gvern. Huwa allura jinnewtralizza l-kampanja ta’ Repubblika illi fiha l-implikazzjoni li lil Daphne qatilha xi ħadd mill-Gvern hija wisq ovvja biex tkun injorata.

Muscat jaf ukoll illi jekk jibqa’ Mexxej Laburista u PM l-elezzjoni ġenerali fi żmienha għad fadallha madwar tliet snin oħra. Fi tliet snin ix-xenarju politiku jaf ikun kompletamenmt differenti minn dak ta’ dawn l-aħħar ġimgħat.

Il-PM jidgħajjef u ma jirkuprax

Possibilità oħra politika hija li l-kuntrarju tal-ewwel, jiġifieri l-PM Muscat jiddgħajjef grazzi għal din il-kwistjoni li issa ilha ġġebbed u tiġġebbed sa mill-2016.

Dan ix-xenarju jista’ jseħħ għal dawn ir-raġunijiet. L-ewwel nett il-kontroversja tista’ tkompli tikber u saħansitra tmiss lil politiċi qrib jew fil-Gvern. Dan huwa fil-fatt l-agħar xenarju possibbli jekk il-kuntratti ta’ negozju bejn 17 Black u ż-żewġ kumpaniji fil-Panama ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi jallaċċjaw ma’ xulxin.

Kif inhi s-sitwazzjoni sa issa diġà din il-konnessaoni (Keith Schembri ammetta li 17 Black kienet parti mill-pjani ta’ negozju tiegħu) hija waħda sensittiva u li qed titfa’ dell ikrah fuq il-Gvern.

Involviment ta’ xi ħadd mill-Gvern ikun fatali għall-Prim Ministru, li anke jekk jibqa’ popolari, jkun tilef ħafna mis-saħħa morali tiegħu.

Imma Muscat jidgħajjef mhux biss jekk ikun hemm involviment. Mill-bidu nett kien jidher li din il-kwistjoni fin-natura tagħha se tkun volatili ħafna u ma kinitx se tieqaf u torqod kif ġab u laħaq. Dan ifisser li kemm fil-passat u injorata anke fil-futur din il-kwistjoni se tibqa’ tqum minn żmien għall-ieħor b’biċċiet ġodda u informazzjoni ġdida li minn mument għall-ieħor tħarbat il-pjanijiet tal-Gvern.

Kull darba li tqum il-kwistjoni tal-Panama Papers il-poplu kollu jispiċċa jiddibatti, jiddiskuti, jistaqsi u jiġġieled dwar din il-famuża struttura ta’ kumpaniji, li iktar kemm jgħaddi żmien iktar qed issir mazzra. Biex tgħaxxaq, marbuta ma’ din l-istruttura hemm xejn inqas mill-aktar assassinju xokkanti u kontroversjali li kellna fl-aħħar snin.

Jista’ jkun li hekk kif il-Gvern daħal fis-sitt sena tiegħu u bl-għejja elettorali issa tibda tagħmel tagħha, Muscat ma jirkuprax tajjeb biżżejjed minn din id-daqqa u forsi oħrajn li għadhom ġejjin. Għalhekk jagħmel l-ispazju għal enerġija ġdida fil-partit li terġa kemm jista’ jkun tirrestawra l-immaġini issa mċappsa tal-Gvern.

Il-PN isib l-enerġija l-ġdida li jeħtieġ

Daqskemm se tagħmel differenza għal-Labour din tal-Panama tista’ tkun kruċjali wkoll għall-PN, li għadu xi ftit jew wisq diżorganizzat u mifrud biex verament jagħmel il-kapital politiku li wieħed jistenna li jagħmel mix-xenraju politiku kurrenti.

Minkejja l-gravità tas-sitwazzjoni huwa improbabbli li l-aħħar żviluppi, speċjalment jekk ma jwasslux biex ikun implikat politiku, se jħallu xi effett qawwi biżżejjed biex l-elettorat ibiddel il-vot.

Delia jidher li għamel xi movimenti fi-direzzjoni ta’ dawk li ma jaqblux miegħu u uża l-aħħar żviluppi politiċi biex jirkeb il-karru xi ftit jew wisq skomdu għalih ta’ Repubblika u dawk kollha li ma jarawhx bħala mexxej idoneu.

Fil-protesta li attenda l-ġimgħa l-oħra, konxjament il-Kap tal-Oppożizzjoni żamm profil pjuttost baxx, anke għax ma setax jirriskja li jerġa’ jiġrilu bħalma ġara ftit żmien ilu meta spiċċa fil-mira ta’ oħt Caruana Galizia.

Din il-koalizzjoni skomda tista’ tfisser li l-PN, għalissa, jiġbor aktar mill-voti mitlufin u jsib skop li jgħaqqad aħjar il-forzi tiegħu flimkien.

Minkejja dan, il-mistoqsija tibqa’ pertinenti: F’każ li b’xi mod il-PN jagħmel kważi miraklu u jegħleb id-distakk f’elezzjoni ġenerali, dawn il-forzi kif se jaħdmu flimkien? Din il-koalizzjoni hija sostenibbli?

Keith u Konrad jissaħħu aktar!

Jidher, mil-lingwaġġ li uża Muscat, illi mhux se jkun qed jitlob għar-riżenja ta’ Keith Schembri jew ta’ Konrad Mizzi, minkejja r-rabta tal-kumpaniji li kienu fetħu fil-Panama mal-kumpanija 17 Black, ta’ Yorgen Fenech.

Jekk jirriżulta illi ma kien hemm ebda involviment ta’ politiku, anke jekk il-konnessjoni ma’ 17 Black tibqa’ dijabolika, l-immaġini ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi tingħata spinta. Dawn jistgħu, u probabbilment hekk se jagħmlu, jgħidu li minkejja ħafna attentati u implikazzjonijiet li kienu huma li qatlu lil Daphne Caruana Galizia, dawn kollha sfumaw fix-xejn.

Kieku nsiru nafu illi Yorgen Fenech kien qed jaġixxi waħdu jew inkella ma’ grupp ta’ nies oħrajn li huma negozjanti, Schembri u Mizzi jinħelsu minn kull dubju li jista’ jkun hemm fuqhom.

Din tagħti spinta lil dawn iż-żewġ politiċi u daqqa lil għaqdiet bħal Repubblika u nies bħal Simon Busuttil.

Keith u Konrad jegħrqu!

Naturalment hemm xenarju ieħor. Dak li jorbot jew jagħmel konnessjoni bejn Keith u/jew Konrad mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Dan ikun xenarju diżastruż għall-Gvern u l-Partit Laburista. Diżastruż biżżejjed biex iwassal għal kollass fil-Gvern u probabbilment riżenji jew inkella, saħansitra elezzjoni ġenerali bikrija.

Jekk jegħrqu dawn it-tnejn il-probabbilità kbira hija li Muscat jegħreq magħhom.

(Din l-analiżi dehret fuq il-gazzetta ILLUM ta' nhar il-Ħadd li għadda u ma tiħux konjizzjoni tal-fatt li anke l-Ministru Cardona kien mgħajjat id-depot)

 

More in Politika