180 impjegat tal-HSBC japplikaw biex jirtiraw kmieni; Il-bank se joħroġ €16-il miljun

L-HSBC kien ħabbar li se jagħlaq numru ta' fergħat biex jiffoka l-ħidma tiegħu fuq is-servizzi diġitali

Sal-aħħar tas-sena, il-bank HSBC se jkun qed inaqqas l-istaff tiegħu b’180 ħaddiem li minn jeddhom applikaw għall-iskema volontarja ta’ irtirar.

Dan l-eżerċizzju se jkun qed jiswa lill-HSBC €16-il miljun, saħaq il-bank fi stqarrija t-Tnejn filgħodu. 

Minkejja li dan l-ammont jidher kbir ħafna, il-bank insista li fis-snin li ġejjin, bis-saħħa tal-bidliet li se jdaħħal fis-seħħ, se jkun qiegħed jibbenefika u mhux jitlef.

Fl-istess stqarrija, il-bank saħaq li minkejja t-tnaqqis fl-impjegati, hekk kif se jkun qed jiffoka aktar fuq is-servizzi diġitali tiegħu, se jibqa’ wieħed mill-akbar impjegaturi fil-pajjiż.

Liema fergħat se jagħlqu?

L-aħbar li l-Bank kien se jagħlaq għadd ta’ fergħat u anke jnaqqas il-ħaddiema ħarġet f’Ottubru li għadda.

Il-fergħat li l-HSBC se jkun qed jagħlaq huma dawk ta’ Birżebbuġa, Bormla, il-Fgura, il-Ħamrun, Wied il-Għajn, San Ġiljan u San Pawl il-Baħar. F’dawn il-lokalitajiet, l-HSBC se jibqa’ jkollu ATM.

L-akbar fergħa tal-HSBC se tkun fl-uffiċini prinċipali tal-Bank f’Ħal Qormi, fejn se tkun qed tiġi amalgamata wkoll il-fergħa ta’ Ħal Balzan.

Il-fergħat tal-Belt Valletta, il-Mosta, Raħal Ġdid, Tas-Sliema u r-Rabat Għawdex se jibqgħu miftuħa u se jkunu qed joffru aktar servizzi u jidher li se jkunu qed jiftħu għal ħinijiet itwal.

Dawn il-fergħat se jkunu sostnuti wkoll b’erba’ Wealth Management Centres ġodda f’Birkirkara, il-Mosta, Raħal Ġdid u s-Swieqi.

X’kien qal il-Kap Eżekuttiv tal-HSBC?

Il-Kap Eżekuttiv ta’ HSBC Malta, Andrew Beane kien saħaq li l-aħbar li ħarġet mhijiex dwar fergħat li se jkunu qed jagħlqu iżda aktar dwar investiment li l-HSBC se jkun qed jagħmel f’Malta biex iħares lejn il-futur.

Beane insista li filwaqt li l-fergħat jibqgħu importanti, l-HSBC qed jippjana għall-futur għax qed jinbidel il-mod kif in-nies qed jużaw il-banek u għalhekk se jkun qed jinvesti aktar fis-servizzi diġitali.

More in Politika