Żieda qawwija fis-self għal xiri ta' djar fit-tieni parti tal-2019 - Bank Ċentrali

Il-Bank Ċentrali jagħti stampa ta' ekonomija b'saħħitha bi tkabbir erba' darbiet dak tal-pajjiżi fl-UE

Fir‑rigward tal‑aħħar żviluppi ekonomiċi, l-aħħar rivista tal-Bank Ċentrali nnota li, fost oħrajn li d‑depożiti tar‑residenti Maltin ma’ istituzzjonijiet finanzjarji monetarji li joperaw f’Malta komplew jiżdiedu b’pass qawwi matul it‑tieni trimestru tal‑2019. Dan filwat li t‑tkabbir fis‑self kompla jirpilja, u jirrifletti ritorn għal tkabbir pożittiv fil‑kreditu lill‑gvern ġenerali u tkabbir kontinwu qawwi fil‑kreditu lil residenti oħrajn. Is‑self lill‑households għal xiri tad‑djar żdied b’ritmu aktar mgħaġġel, filwaqt li s‑self lil kumpaniji mhux finanzjarji baqa’ b’saħħtu. Skont l‑Indiċi tal‑Bank rigward il‑Kundizzjonijiet Finanzjarji (FCI), il‑kundizzjonijiet għall‑finanzjament kienu marġinalment stretti minn perspettiva storika, b’kuntrast mal‑kundizzjonijiet b’mod ġenerali newtrali fl‑ewwel trimestru tal‑2019.

ir-rivista tal-Bank  tinnota li r‑ritmu fl‑attività ekonomika batta matul it‑tieni trimestru tal‑2019, bil‑prodott domestiku gross (PDG) reali jitla’ b’4.0% fuq bażi annwali, wara żieda ta’ 5.4% fit‑trimestru preċedenti. Il‑moderazzjoni fir‑rata tat‑tkabbir kienet xprunata minn espansjoni aktar dgħajfa fid‑domanda domestika, hekk kif il‑kontribut tal‑esportazzjoni netta sar pożittiv. Madankollu, it‑tkabbir ekonomiku kien erba’ darbiet iktar minn dak irreġistrat fiż‑żona tal‑euro kollha kemm hi.

Il-Bank Ċentrali kompla jgħid illi s‑suq tax‑xogħol baqa’ b’saħħtu, hekk kif l‑impjiegi żdiedu b’rata mgħaġġla u r‑rata tal‑qgħad kompliet tonqos. Skont il‑Labour Force Survey, ir‑rata tal‑qgħad kienet fil‑livell ta’ 3.4% fit‑tieni trimestru tal‑2019, inqas mir‑rata ta’ 3.5% rreġistrata fit‑trimestru preċedenti u inqas mir‑rata ta’ 3.7% rreġistrata sena qabel. Dan jirrifletti parzjalment il‑pass qawwi tal‑espansjoni ekonomika u t‑tqabbil aħjar tal‑impjiegi fil‑kuntest ta’ ekonomija b’saħħitha.

L‑inflazzjoni annwali mkejla skont l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP) aċċellerat għal 1.8% f’Ġunju minn 1.3% f'Marzu, primarjament minħabba tkabbir aktar mgħaġġel fil‑prezzijiet għas‑servizzi u l‑prodotti industrijali li mhumiex marbutin mal‑enerġija. Sadattant, l‑inflazzjoni annwali bbażata fuq l‑Indiċi tal‑Prezzijiet bl‑Imnut (RPI), li tqis biss l‑infiq mir‑residenti f'Malta, baqgħet l‑istess fil‑livell ta’ 1.9%. B’kuntrast, l‑inflazzjoni prinċipali, li teskludi l‑aktar komponenti volatili tal‑indiċi HICP kienet 1.3% f’Ġunju. Id‑differenza bejn dan il‑kejl u r‑rata globali tissuġġerixxi li l‑inflazzjoni globali hija parzjalment sostnuta minn żidiet qawwija fil‑prezzijiet ta’ għadd żgħir ta’ oġġetti konsumabbli.

More in Politika