‘Kruċjali li f’kull skola jkun hemm edukaturi mħarrġa fl-ewwel għajnuna’ - Evarist Bartolo

Il-Ministru Evarist Bartolo xettiku dwar kemm f’kull skola jista’ jkun hemm mediku jew infermier

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo saħaq mal-gazzetta ILLUM li huwa kruċjali li f’kull skola jkun hemm persuna mħarrġa apposta biex tagħti l-ewwel għajnuna f’każ ta’ emerġenza.

Fil-fatt, meta kien qed iwieġeb mistoqsijiet ta’ din il-gazzetta, Bartolo kkonferma li għad hemm skejjel f’Malta u Għawdex li għad ma għandhomx persuni mħarrġa biex jagħtu l-ewwel għajnuna lill-istudenti f’każ li jkun hemm bżonn.

L-ILLUM tkellmet mal-Ministru wara li ftit tal-ġimgħat ilu, id-Deputata Rosianne Cutajar saħqet li wasal iż-żmien biex f’kull skola jkun hemm mediku.

Minkejja li dan l-appell sar kemm-il darba, meta mistoqsi, il-Ministru Bartolo kemmex xufftejh u deher xettiku dwar kemm kull skola tista’ eventwalment ikollha mediku.

Għalfejn Cutajar kienet għamlet dan l-appell?

Cutajar għamlet dan l-appell wara li The Times of Malta rraportat dwar każ ta’ tifel li jbati minn allerġija severa u kif fl-iskola li jattendi ma hemm l-ebda persuna mħarrġa biex jamministrawlu l-EpiPen f’każ ta’ emerġenza.

EpiPen hija injezzjoni li fiha kimika li traqqa’ l-vini u tiftaħ il-passaġġi tan-nifs fil-pulmun. Fil-fatt din tintuża f’każ ta’ allerġiji severi u jekk tingħata fil-ħin tista’ ssalva ħajja. 

Fil-fatt, l-omm kienet spjegat kif f’każ ta’ emerġenza binha jista’ jispiċċa jitlef ħajtu jekk l-iskola ċċempel u tistenna ambulanza flok toffrilu l-ewwel għajnuna.

X’qed iżomm lill-għalliema?

Mistoqsi għaliex għad hemm skejjel li ma għandhomx persuni mħarrġa apposta fl-ewwel għajnuna, il-Ministru saħaq li l-biża’ hija waħda mir-raġunijiet.

“Hemm min jibża’ li biex tagħti l-EpiPen trid xi għerf u kompetenza kbira. Mhux il-każ,” saħaq il-Ministru.

Il-Ministru Evarist Bartolo
Il-Ministru Evarist Bartolo

Madanakollu, kelliema li tkellmu ma’ din il-gazzetta spjegaw kif it-taħriġ jingħata barra l-ħin tal-iskola, bl-edukaturi jkollhom jattendu 20 siegħa ta’ taħriġ filgħaxijiet.

Spjegaw kif l-uniku remunerazzjoni li tingħata hija ta’ €300 f’sena u minnhom tinqata’ t-taxxa.

“Dan ma jinċentivax lill-għalliema,” qalulna.

X’passi se jieħu l-Ministeru?

Dwar passi li se jkun qed jieħu l-Ministeru wara dan il-każ, Bartolo saħaq li l-Ministeru se jkun qed jassigura li jħarreġ kemm hemm bżonn persuni anke għal affarijiet differenti.

Fakkar li hemm skejjel li fihom diġà hemm servizz ta’ infermiera tas-St John’s Ambulance Brigade. “Dan is-servizz se nżommuh u fejn hemm bżonn insaħħuh,” temm jisħaq il-Ministru.

Mhux karba ġdida...

Ta’ min isemmi kif fl-2014, kien intlaħaq ftehim bejn il-Unjin Maltija tal-Għalliema (MUT) u l-Ministeru għall-Edukazzjoni bil-għan li aktar għalliema jingħataw it-taħriġ fl-ewwel għajnuna.

Minkejja dan, kelliem għall-MUT qal ma’ The Times of Malta kif huma ftit dawk l-għalliema li rċevew it-taħriġ, anke minħabba r-responsabbilità kbira li dan iġorr.

Fil-fatt, f’April tal-2017, kien il-Ministru Evarist Bartolo stess li fil-Parlament kien tkellem dwar il-bżonn li jkun hemm emendi fil-liġi biex persuni li jagħtu l-ewwel għajnuna jkunu protetti u ma jispiċċawx imfittxija fil-Qorti f’każ li xi ħaġa tmur ħażina.

Madanakollu dwar dan ma’ kien sar xejn, sakemm id-Deputat Claudio Grech ressaq l-Abbozz ta’ Liġi msejjaħ tas-Samaritan it-Tajjeb, liema abbozz jinsab imwaħħel fl-istadju tat-Tieni Qari.

Matul ix-xahar li għadda, fil-Parlament id-Deputata tal-Oppożizzjoni Claudette Buttigieg staqsiet dwar it-taħriġ li jirċievu l-edukaturi.

Il-Ministru spjega kif il-first aiders preżenti fl-iskejjel huma mħarrġa fil-Basic Life Support, AED, kif tagħti n-nifs f’każ ta’ emerġenza u x’għandek tagħmel f’każ li xi ħadd ikun qed jixraq.

Huwa qal ukoll li l-edukaturi li jagħżlu li jsegwu t-taħriġ qed ikunu mħarrġa wkoll fl-għoti ta’ mediċini bażiċi bħal inhaler, EpiPen, rectal suppository u glucose monitoring.

Fejn ikun hemm bżonn, l-edukaturi qed jiġu mħarrġa fil-glucogon u mediċini oħrajn skont il-bżonn.

EpiPen
EpiPen

Kif għandek tagħti l-EpiPen?

L-EpiPen tixbah ħafna pinna jew inkella highlighter. Għandha speċi ta’ tap blu fuq u l-parti t’isfel hija oranġjo.

Min se jamministra l-EpiPen għandu l-ewwel ineħħi “t-tap” blu billi jiġbed ’il fuq.

Wara dan għandu jagħfas, b’id soda u bi ftit saħħa, in-naħa oranġjo mal-koxxa tal-pazjent sakemm jisma’ xi ħaġa tfaqqa’ u jżommha soda għal tliet sekondi.

Il-labra ma tidher qatt, hekk kif anke meta din titneħħa minn mal-koxxa, il-parti oranġjo testendi lilha nnifsiha biex tgħatti l-labra, indikazzjoni li l-EpiPen tkun għamlet xogħolha.

F’liema skejjel tal-Gvern għandhom is-servizz ta’ first aiders ikkwalifikati?

Kulleġġ Għawdex
Skola Medja, Ir-Rabat
Skola Sekondarja, Ir-Rabat

Primarja x-Xagħra u x-Xewkija


Kulleġġ Marija Reġina
Skola Medja, In-Naxxar
Skola Sekondarja, Il-Mosta (Żokrija)
Primarja Għargħur, Il-Mosta (A/B) u San Pawl il-Baħar
Learning Support Centre (Sekondarja),In-Naxxar

Kulleġġ San Benedittu
Skola Sekondarja, Ħal Kirkop
Skola Medja, Ħal Kirkop
Primarja Birżebbuġa, Ħal Għaxaq, Gudja, Ħal Kirkop, L-Imqabba, Ħal Safi u ż-Żurrieq

Kulleġġ Santa Klara

Primarji Gżira, San Ġwann u San Ġiljan

Kulleġġ San Ġorġ Preca
Skola Medja, Blata l-Bajda
Skola Sekondarja, Il-Ħamrun
Education Hub, L-Imsida

Primarja Furjana, Ħamrun GP, Ħamrun SS, Marsa,Raħal Ġdid (A / B)

Kulleġġ Sant’Injazju 
Skola Medja, Tal-Ħandaq
PrimaryĦal Luqa u Qormi San Bastjan

Kulleġġ Santa Margerita 
Skola Sekondarja, Il-Verdala
Primarja Kalkara, L-Isla, Il-Birgu, Ħaż-Żabbar

Kulleġġ San Nikola
Skola Sekondarja Ħad-Dingli

Primarja Ħ’Attard, Il-Baħrija, Ħad-Dingli, L-Imġarr, L-Imtarfau r-Rabat 

Kulleġġ Santa Tereża 
Skola Sekondarja, L-Imrieħel

Primarja Birkirkara, Lija-Balzan-Iklin, Santa Venera

Kulleġġ San Tumas Moore
Skola Medja, Ħal Tarxien
Skola Sekondarja,Iż-Żejtunu Santa Luċija
Visual & Performing Arts / Sekondarja Subien, Il-Ħamrun (Samra)
Alternative Learning Programme (ALP) – Raħal Ġdid

Primarja FjuraA/B, Wied il-Għajn u ż-Żejtun A/B
Learning Support Centre, Il-Ħamrun

Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli 
Gozo Visual and Performing Arts School
L-iskola tal-Mużika JohannStrauss

Lifelong Learning L-Imsida
ĠużèEllul Mercer - 16+ Education Project, Il-Gżira

More in Politika