Intervista | 'Bl-għaqda biss ma tirbaħx iżda jkun punt tat-tluq tajjeb'

Mal-ILLUM Clyde Puli jkun skjett dwar il-problemi fil-Partit Nazzjonalista, il-kwistjonijiet interni, ir-riżultat elettorali u l-futur tal-partit

Lil hinn min-narattiva politika, huwa ċar li jeżistu problemi fil-Partit Nazzjonalista. F’dan l-aħħar żmien speċjalment fix-xhur iddominati mill-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ħarġu fil-beraħ aktar episodji ta’ nuqqas ta’ qbil intern, riżenji u anke disfatti elettorali. 

Din il-ġimgħa l-ILLUM iltaqgħet mas-Segretarju Ġenerali tal-PN u d-Deputat Clyde Puli. Miegħu ddiskutejna u analizzajna wħud mill-kwistjonijiet il-kbar li qed jolqtu dan il-partit fosthom ir-riżultat elettorali, id-deputati ribelli, ir-relazzjoni Delia - Daphne u fl-aħħar nett il-pożizzjoni tiegħu bħala segretarju ġenerali.

Nibdew b’mistoqsija analitika u nistaqsih x’jaħseb li kienu r-raġunijiet li waslu għal telfa oħra fl-elezzjonijiet lokali u Ewropej. Mal-ILLUM Puli jibda biex jispjega. “Naħseb li r-raġunijiet kienu diversi. Ma tistax tibbaża kollox fuq raġuni waħda. L-ewwel nett, għalkemm mhux ġustifikazzjoni tar-riżultat, il-PN ilu 20 sena ma jirbaħ rawnd ta’ Kunsilli Lokali u fl-istess waqt qatt ma rebaħ elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.” 

Iżid jgħid kif skontu din hi ‘ironika’ hekk kif il-PN kien il-Partit li introduċa dawn l-elezzjonijiet.

“Dan huwa kuntest,” ikompli jispjega Puli, “raġuni oħra żgur li kienet it-telfa tal-2013 li l-effetti tagħha għadhom jinħassu s’issa u żgur li affetwaw affarijiet oħra li ġraw fl-aħħar sentejn.”

Nistaqsih biex jelabora fuq l-aħħar punt. Huwa jgħid li kieku l-PN deher aktar front magħqud tul dawn l-aħħar sentejn, żgur li l-possibbilità ta’ riżultat aħjar, inkluż it-tielet siġġu fil-Parlament Ewropew kienet tkun ‘ħafna akbar.’

Inkomplu nitkellmu fuq l-istess suġġett u mingħajr ma nidħlu f’ismijiet partikolari nistaqsih kemm fil-fatt affetwat il-perċezzjoni pubblika ta’ partit diviżiv. Puli jirrispondi, “ir-riżultat ikun differenti. Dawk huma l-indikazzjonijiet kollha interni li għandna. Kieku kellna l-vuċi aktar unita, il-possibbilità kienet tkun akbar. Dan ma jfissirx li jkollok kull membru u deputat jirrepetu kelma b’kelma l-ħsieb tal-Kap.”

Ninsisti u nistaqsih mistoqsija oħra fuq din il-kwistjoni. Imma b’dawn il-gambetti interni l-PN kif jista’ jirpilja? Puli jirrispondibl-użu ta’ analoġija li żżewweġ il-mużika mal-politika. “Jekk għandek orkestra u mużiċist ma jsegwix id-direzzjoni tas-surmast, jista’ jkun l-aqwa fid-dinja, l-opra tal-arti ma toħroġx sew. Fl-aħħar ġimgħat ta’ qabel l-elezzjoni ħassejt titjib sostanzjali. Dan intwera wkoll fil-messaġġ li ħareġ hemm barra. Dawn huma grupp ta’ nies li finalment għandhom l-istess valuri bi sfumaturi differenti,” sostna Puli.

Fuq l-istess nota huwa qal li jekk il-‘core’ jkun taħt l-istess direzzjoni u jdoqq l-istess biċċa mużika, il-kanzunetta kkordinata tingħoġob u toħroġ aħjar fil-pubbliku.

Il-PN b’Adrian Delia jista’ jirbaħ lura l-votanti tal-Occupy Justice

Inkomplu niddiskutu u nistaqsih dwar il-fazzjoni li donna sseparat mill-PN wara l-mewt ta’ Daphne uliqiegħda timxi mad-daqqa tat-tanbur tagħha. Kif jista’ Adrian Delia jirbaħ lura xi votanti tal-PN li sabu refuġju f’movimenti varji inkluż Occupy Justice?

Mal-ILLUM Puli jgħid li jekk votant jemmen fl-istess sett ta’ valuri huwa biżżejjed biex il-Partit jingħaqad. “X’inhu l-għan komuni? L-affarijiet li jitħaddtu ż-żewġ partijiet huma l-istess, it-tnejn jitkellmu fuq il-ġid komuni, ovvjament għandhom sfumaturi differenti.”

Adrian Delia jivvota fl-elezzjoni tal-MEPs
Adrian Delia jivvota fl-elezzjoni tal-MEPs

Hu kompla jgħid li, “il-fatt huwa li dan il-partit għal darba, tnejn, tlieta, għażel lil Adrian Delia biex imexxih. Il-partitarji qed jgħidu b’mod ċar u tond li jridu lil dan ir-raġel imexxihom u jridu jagħtuh ċans għall-elezzjoni ġenerali. Għalhekk aħna rridu nagħmlu l-almu tagħna biex ngħinuh.”

Apparti minn hekk huwa qal li jrid jikkonvinċi mhux biss lil dawk l-eks votanti li sabu refuġju fl-attiviżmu iżda anke dawk li jappoġġjaw lill-Partit Laburista. “Bl-għaqda biss ma tirbaħx iżda jkun punt tat-tluq tajjeb.”

Għaliex ma warrabx wara d-disfatta tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew?

Naqilbu d-diskussjoni dwaru u nistaqsih għalfejn fid-dawl tal-aħħar riżultat elettorali ‘fqir’, il-PN għażel li jibqa’ fit-tmexxija tal-istess partit anke fid-dawl ta’ kritika reattiva fil-konfront tiegħu. 

Ma’ din il-gazzetta s-Segretarju Ġenerali jisħaq li, “trid tingħata ċans twettaq il-pjan tiegħek li huwa bbażat fuq ħames snin u mhux sentejn. It-tieni nett, l-affarijiet ma jinbidlux b’sempliċiment swiċċ.”

Iżid jgħid li, “aħna dħalna għat-tmexxija tal-Partit b’għażla, iżda b’sens ta’ dover minkejja li konna nafu s-sitwazzjoni li qiegħed fih inkluż l-isfidi finazjarji kbar.”

Nistaqsih kif eżattament il-PN qiegħed jirnexxilu jegħleb l-isfidi finanzjarji. Huwa jgħid li f’dawn l-aħħar sentejn raw sabiex il-PN ikollu dħul sostenibbli billi jikkumerċjalizza l-proprjetà tiegħu u anke b’riformi interni.

Il-PN għandu kredibiltà jikkritika l-Gvern?

Lil Puli staqsejnieh ukoll fuq il-kritika u n-narrattiva tal-PN. Huma kredibbli jikkritikaw dwar kwistjonijiet ta’ ġustizzja soċjali u riforma ġudizzjarja fid-dawl li l-istess partit kellu 25 sena ċans biex jemenda u jirranġa?

Mal-ILLUM huwa jirrispondi u jgħid li ovvjament dawk l-effetti tad-deċiżjonijiet politiċi jintirtu.

“Dak li ġara qabel xorta jaffetwak illum il-ġurnata. Jekk xi ħadd 10 snin ilu ħass, li t-tmexxija ta’ dak iż-żmien naqsitu, l-interessi ta’ dik id-deċiżjoni ġġorrhom t-tmexxija tal-lum il-ġurnata.”

Biex ifisser dan l-argument Puli saħansitra jagħmel referenza lejn episodju riċenti ta’ deċiżjoni li skontu l-PN għadu jħallas l-‘interessi’ fuqha s’issa. 

“Il-Partit Demokratiku tajniehpjattaforma aħna u ġab 5,000 vot fl-elezzjonijiet tal-PE. Aħna kellna bżonn 4,000 vot sabiex nissiġillaw it-tielet siġġu. Mhux jien tajtu pjattaforma iżda sibtu hemm. Affetwaw lilna u bħal dak nista’ nagħtik numru ta’ eżempji oħra. Allura biex tirranġa l-ħsara li saret qabel trid iż-żmien, iżda titranġa bi pjan serju u b’viżjoni ċara,” sostna Puli.

Dak li ġara qabel xorta jaffetwak illum-il ġurnata. Jekk xi ħadd ħass 10 snin ilu, li t-tmexxija ta’ dak iż-żmien naqsitu l-interessi ta’ dik id-deċiżjoni ġġorrhom it-tmexxija tal-llum il-ġurnata

Madanakollu huwa jgħid li wħud mill-punti ta’ diskussjoni li qed iqajjem il-PN qed jispiċċaw ikunu kwistjonijiet li kemm l-akkademiċi u anke l-midja tiddiskuti fil-linji editorjali tagħha.

“F’Mejju tal-2018 tkellimna fuq iż-żieda tal-popolazzjoni, l-ewwel reazzjoni kienet dik ta’ redikola jew miżinterpritazzjoni iżda llum dan huwa argument rikonoxxut. Jiġifieri, jista’ jkun hemm dak is-sentiment imma qed jitnawwar u jinkiser u jekk nippreżentaw kor unit mingħajr distorzjoni n-nies jisimgħu iktar għax għandna messaġġ relevanti.”

‘Jean-Pierre Debono se jikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss’

Nistaqsih ukoll fuq waħda mill-aħħar riżenji fl-istess partit. Jean-Pierre Debono li f’Ġunju li għadda spiċċa f’nofs kontroversja interna dwar il-co-option tiegħu, telaq mill-pożizzjoni tiegħu fil-Partit minħabba f’hekk?

Skont Puli, “Debono huwa bniedem bieżel li ħadem ħafna b’lealtà u għandu karrieraminn barra dan il-partit. Fl-ittra tar-riżenja tiegħu huwa qal li se jibqa' viċin u li se jikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss. Debono għandu sens kbirta’ umiltà, dan huwa xi ħadd li rebaħ is-siġġu tiegħu għall-ewwel darba fl-2017 u ċedieh biex jidħol il-Kap tiegħu,” irrimarka Puli.

Oħt Daphne tkeċċi lil Delia minn fuq il-mafkar ta' quddiem il-Qorti
Oħt Daphne tkeċċi lil Delia minn fuq il-mafkar ta' quddiem il-Qorti

 Delia u l-kummenti ta’ biċċa blogger fuq Daphne Caruana Galizia

Fl-aħħar nett staqsejtu dwar il-kwistjoni ta’ Daphne Caruana Galiziaiżda b’aċċenn partikolari fuq il-kredibbiltà ta’ Delia fil-ġlieda għall-ġustizzja. Dan għaliex kien Delia stess li ftit xhur qabel l-assassinju fetaħ il-kanuni fuqha. Fid-dawl ta’ dan kollu, Delia jista' jagħmel sens politiku f’din il-kwistjoni?

Mal-ILLUM Puli jibda biex jgħid li dan huwa qtil oxxen u brutali u li mhu aċċettat bl-ebda mod. “Mietet persuna li hi ġurnalista li qed tipprova tiskopri l-verità. Issa ħadd m’għandu l-verità kollha u kulħadd jiżbalja imma kienet qed tagħmel xogħolha u ħadd m’għandu jmut għalhekk.”

Il-Parit Demokratiku tajnieh pjattaforma aħna u ġab 5,000 vot fl-elezzjonijiet tal-PE. Aħna kellna bżonn 4,000 vot sabiex nissiġillaw it-tielet siġġu

“Minħabba f’hekk,” skont Puli, “din ma tibqax kwistjoni ta’ individwu iżda ssir waħda nazzjonali.”

“Bil-mewt tagħha d-demokrazija ngħatat daqqaallura fuq dak il-livell biss il-Kap tal-Oppożizzjoni huwa obbligat li jitkellem b’mod ċar irrispettivament minn x’kienet qalet fuqu u jekk jaqbilx fuq dak li kitbet u jekk dak li kitbet huwiex minnu.”

Fl-aħħar mistoqsija supplementari, nistaqsih jekk kienx insensittiv li Delia jmur ipoġġi l-fjuri fuq il-mafkar ta’Caruana Galiziafil-Belt Valletta. Huwa jirrepeti u jgħid li Delia għandu dmir li jitkellem u dan għamlu minkejja l-kitbiet li kellha fuqu li ma jaqbilx magħhom u jiċħadhomkompletament.

“Trid tifhem il-familjari, dawn huma umani u jħossu dak li qed iħossu. Lanqas irrid nimmaġina lili ngħaddi minn dak li għaddewhuma. M’iniex offiż b’dak li ġara nifhem li esprimiet ruħha bir-rabja iżda aħna għamilna d-dmir tagħna.”

More in Politika