'Anke jekk tani ħarsa fit-tul li biha qalli 'noqtlok', ma nibżax minnu' - Azzopardi dwar Schembri

Jason Azzopardi saħaq li Schembri 'ġġarraf' u 'ċeda' mal-ewwel domanda li għamillu

Jekk hawn Deputat li ma jiddejjaqx jikkummenta fuq il-midja soċjali, bla dubju dan huwa Jason Azzopardi li ma setax jonqos li wara l-aħbar li Keith Schembri waqqa’ l-libell li kien fetaħ kontra Simon Busuttil jinfexx fuq Facebook.

“Anke jekk wara tani ħarsa fit-tul li biha qalli “noqtlok”, ma nibżax minnu,” kiteb Jason Azzopardi li kien hu l-uniku persuna li dalgħodu fil-Qorti rnexxielu jistaqsi mistoqsija lil Schembri.

Azzopardi insista li l-akbar bniedem li mingħalih huwa b’saħħtu f’Malta, “iġarraf u ċeda” wara l-ewwel domanda li għamillu.

“Kelli iktar minn 100 domanda x’nagħmillu. Ilħaqt wasalt biss fl-ewwel waħda,” kiteb Azzopardi.

Insista li ilu kważi 24 sena avukat u ra u sema minn kollox, anke jekk fi kliemu, bħal tal-lum qatt ma ra u lanqas ma stenna.

“Minn Alla u l-ġudizzju tiegħu iva nibża’. Mhux se nibża’ minn kriminal korrott,” kiteb Azzopardi.

Temm jisħaq li se jibqa’ jiġġieled għas-sewwa u li l-ħażen ħa jeqred lilu nnifsu.

Aqra hawn kif qed iwieġeb u jispjega kollox Keith Schembri.

More in Politika