'Keith Schembri huwa korrott u minflok wieġeb għall-mistoqsijiet ċeda u ħarab'

L-eks Kap tal-PN Simon Busuttil jirreaġixxi għat-twaqqigħ ta' libell kontrih minn Keith Schembri u jitlob li kemm Schembri kif ukoll il-Prim  Ministru jirriżenjaw

L-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista rrreaġixxa għal dak li ġara fil-Qorti dalgħodu hekk kif għal diversi drabi ċ-Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-PM Keith Schembri baqa' jirrifjuta li jitla' jixhed f'libelli li għamel hu stess kontra Simon Busuttil. Dan tal-aħħar kien qal li Schembri huwa korrott f'waħda mill-protesti kontra l-korruzzjoni organizzati mill-PN fil-Belt Valletta. 

Ara hawnhekk id-dettalji kollha ta' dak li ġara dalgħodu

Quddiem il-binja tal-Qorti Busuttil, akkumpanjat bl-avukat tiegħu u Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, fakkar illi "f'sentejn sħaħ l-unika darba li Schembri tela' jixhed kien dakinhar li nqatlet Daphne Caruana Galizia, jiġifieri nhar is-17 ta' Ottubru 2017." Fil-fatt Busuttil kien qed jagħmel referenza għax-xhieda li spiċċar fuq il-blogg ta' Caruana Galizia bl-aħħar kliem ikunu, 'There are crooks everywehere you look now. The situation is deperate.' 

Ara hawnhekk il-blogg ta' Caruana Galizia dwar ix-xhieda ta' Keith Schembri 

"Ilna aktar minn sentejn għaddejjin biex nippruvaw nistaqsu u nagħmlu kontro-eżami, daqshekk ilu jaħrab mill-mistoqsijiet tagħna," jinsisti Busuttil. 

"Illum kif stajtu taraw minflok wieġeb," kompla jgħid, "għamel erba' tentattivi biex ma jitlax jixhed." Kien f'dan il-punt li elenka dawk li sejjaħ bħala "skużi" Busuttil, qabel fakkar illi dawn kienu kollha miċħudin. 

Huwa qal illi meta Schembri, skontu, ma kellux triq oħra ġie ordnat iwieġeb mill-Maġistrat u minkejja kollox baqa' ma  weġibx għall-mistoqsijiet. Fl-aħħar ċeda l-kawża kontra Busuttil. 

"Dan ifisser illi minflok wieġeb għad-dikjarazzjoni li hu korrott u biex juri li jien żbaljat ċeda l-armi u ħarab. Dan ifisser biss li dak li għidt jien kien korrett .. iċ-Chief of Staff tal-PM huwa korrott u fetaħ il-kontijiet tal-Panama għal skopijiet korrotti," sostna Busuttil. 

Kien f'dan il-punt illi Busuttil sostna illi wara dak li ġara dalgħodu Schembri m'għandu l-ebda għażla għajr li jirriżenja u miegħu jirriżenja l-Prim Ministru li qal illi huwa l-unika bniedem li għandu responsabilità ta' Schembri. 

Il-PL jappella lill-PN biex iħalli l-ġustizzja taħdem

Il-Partit Laburista insista li dak li kellu jkun diskuss dalgħodu huwa suġġett ta’ inkjesti maġisterjali li saħansitra ntalbu minn membri tal-istess oppożizzjoni.

"Wieħed għandu jħalli l-ġustizzja taħdem f’serenità u jistenna l-konklużjonijiet ta’ dawn l-inkjesti li quddiemhom xehed kull min fil-konfront tiegħu saru l-allegazzjonijiet," insista l-PL fi stqarrija.

Il-Partit Laburista insista li ma jistax ma jinnotax kif id-dikjarazzjonijiet li saru u l-pożizzjonijiet li ttieħdu fl-aħħar sigħat reġgħu wrew l-inkosistenza tal-Oppożizzjoni dwar l-istituzzjonijiet.

"Huwa ironiku kif deputati tal-Oppożizzjoni li jattakkaw il-ħin kollu lill-ġudikanti maħtura bis-sistema l-ġdida, din id-darba kellhom ġenn biex jidhru quddiem il-Qorti ffurmata b’dan il-mod anke meta tqajmu punti biex il-ġustizzja mhux biss issir iżda tidher ukoll li qed issir," temm jgħid il-PL.

More in Politika