Deputati li jaċċettaw xogħol ma' entità pubblika għandhom jitneħħew mill-Parlament - Hyzler

Il-Kummissarju tal-Istandards joħroġ b'qawwa kollha kontra l-prattika li Deputati jiġu impjegati f'entitajiet pubbliċi .... 

Fi stqarrija l-Kummissarju tal-Istandards George Hyzler ippropona li Deputati Parlamentari jiġi skwaliffikati mill-Parlament jekk jaċċettaw kwalunkwe tip ta' kuntratt  mingħand il-Gvern jew entità pubblika. 

Fil-mument, numru ta' Deputati huma wkoll kapijiet ta' entitajiet pubbliċi, fosthom Manuel Mallia li jmexxi l-Awtorità għas-Saħħa u Sigurtà fuq il-post tax-Xogħol (OHSA) u l-eks Ministru Għawdxi Anton Refalo li qed imexxi l-Heritage Malta. Xi Deputati Nazzjonalisti wkoll għandhom impjieg ma' entità tal-Gvern, fosthom Kristy Debono. 

"Bl-istess mod, id-deputati m’għandhomx jitħallew jaċċettaw ħatriet bħala persuni ta’ fiduċja jew bħala membri ta’ bordijiet jew kumitati tal-gvern," jgħid ir-rapport. “Il-prinċipji tad-demokrazija jitolbu li l-Parlament għandu jkun kapaċi jżomm il-gvern kontabbli għall-għemil tiegħu, Iżda l-Parlament ma jistax ikun effettiv f’dan l-irwol jekk id-deputati jiddependu fuq il-gvern għall-għixien tagħhom," sostna l-Kummissarju Hyzler.

Intant dwar il-ġudikatura l-Kummissarju qed jinsisti li l-imħallfin u l-Maġistrati għandhom jintgħażlu skont il-mertu, wara sejħiet pubbliċi għal espressjonijiet ta’ interess. "B’hekk jiġi żgurat li l-aħjar persuna tinħatar f’kull kariga. Il-gvern għandu jżomm is-setgħa li diġà għandu, li ma jimxix mal-proċess tal-għażla f’każi eċċezzjonali, iżda għandu jippubbliċizza u jiġġustifika kull każ minn dawn. Ir-rapport josserva li s-sistema preżenti ta’ kif isiru l-ħatriet fil-ġudikatura ġiet riformata fl-2016, iżda għadha tagħti wisq diskrezzjoni lill-gvern tal-ġurnata." 

Hyzler, fir-rapport tiegħu, ikompli jgħid illi "agħar minn hekk" promozzjonijiet fil-ġudikatura nnifisha għadhom fid-diskrezzjoni assoluta tal-Gvern.

Ir-rapport jipproponi wkoll li l-Kostituzzjoni għandha tippermetti ħatriet ta’ fiduċja, iżda fis-segretarjati tal-Ministri biss. "Il-ħatriet fil-bqija tal-amministrazzjoni pubblika għandhom bħala regola ġenerali jsiru skont il-mertu."

L-istqarija tkompli tgħid li hekk kif bħalissa l-Awditur Ġenerali, l-Ombudsman u l-Kummissarju għall-Istandards innifsu jinħatru mill-President skont riżoluzzjoni parlamentari li tgħaddi bil-voti ta’ mill-inqas żewġ terzi tad-deputati. L-istess mekkaniżmu għandu jintuża fil-ħatra taċ-chairpersons tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku u kummissjonijiet kostituzzjonali oħra, kif ukoll tal-kapijiet tal-Forzi Armati, il-Pulizija u s-Servizz tasSigurtà. "Is-Segretarji Permanenti, li huma l-ogħla uffiċjali f’kull ministeru, għandhom jinħatru mill-President skont il-mertu, iżda l-Prim Ministru għandu jkollu s-setgħa li joġġezzjona għal xi ħatra partikolari. Jekk il-President jaċċetta l-oġġezzjoni tal-Prim Ministru, jerġa’ jsir il-proċess tal-għażla għal dik il-kariga. Din is-sistema hija bbażata fuq dik li tintuża biex jinħatru l-ogħla uffiċjali fir-Renju Unit u n-New Zealand."

L-istqarrija ttemm tgħid illi dawn il-proposti Dawn il-proposti huma maħsuba biex isaħħu l-mekkaniżmi li permezz tagħhom il-gvernijiet jinżammu kontabbli għall-għemil tagħhom, "iżda mingħajr ma jtellfu mill-kapaċità ta’ kull gvern li jmexxi l-pajjiż."

More in Politika