Investiment ta' €120,000 f'tagħmir aħjar għall-kontroll f'każ ta' tixrid ta' żejt fil-baħar

L-apparat jikkonsisti f’inflatable booms ġodda li se jgħinu biex l-azzjonijiet neċessarji ta’ kontroll f’każ ta’ inċident isiru b’mod aktar immedjat

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, Ian Borg, ħabbar investiment ta’ aktar minn €120,000 f’tagħmir u f’taħriġ speċjalizzat ġdid mill-Malta Maritime Pilots biex jintuża f’każ ta’ tixrid ta’ żejt mill-bastimenti.

L-apparat jikkonsisti f’inflatable booms ġodda li se jgħinu biex l-azzjonijiet neċessarji ta’ kontroll f’każ ta’ inċident isiru b’mod aktar immedjat.

Waqt l-inawgurazzjoni ta’ dan l-investiment, il-Ministru Borg fakkar li Malta tinsab fiċ-ċentru tal-Baħar Mediterran, ambjent li jara 15% tal-movimenti globali tat-tbaħħir.

“Irridu nkomplu naraw aktar żidiet fil-movimenti tat-tbaħħir lejn u minn pajjiżna għaliex fuq kollox qed nitkellmu dwar settur li joħloq madwar 23,000 impjieg u li jikkontribwixxi aktar minn 12% tal-Prodott Gross Domestiku. Imma rridu naraw li nżommu s-salvagwardja tal-ambjent fil-ħidma tagħna,” tenna l-Ministru Borg.

Madanakollu, il-Ministru Borg fakkar li minkejja l-qafas legali robust u l-kontrolli eżistenti, l-inċidenti xorta waħda huma possibilità u qal li hu għalhekk li l-okkażjoni tal-lum hi daqstant importanti. 

Min-naħa tiegħu, iċ-Chief Pilot Jesmond Mifsud qal li f’sitwazzjoni ta’ tixrid ta’ żejt fil-baħar, kull minuta tgħodd. 

“Permezz ta’ dawn is-single point inflatable booms qegħdin inniżżlu d-deployment time - jiġifieri l-ħin biex jintefħu u jibdew jintużaw il-booms - għal 14-il minuta. Barra minn hekk, b’differenza mill-fence booms li kellna sa issa, dawn l-inflatible booms għandhom il-parti ’l fuq mill-ilma għolja 40 ċentimetru b’tali mod li jistgħu jintużaw f’baħar imqalleb,” spjega Mifsud.

More in Politika