Filmat | 'Hemm bżonn li tinbidel il-policy tal-ODZ' - Ian Borg

Il-Ministru Borg ikkritika l-kumitat tal-Awtorità tal-Ippjanar li twaqqaf 18-il xahar ilu biex jaġġorna din il-policy

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, Ian Borg, qal iswed fuq l-abjad li l-policy tal-ODZ tal-2014 jeħtieġ li tinbidel.

Filwaqt li saħaq li kien hemm aspetti pożittivi f’din il-policy, fosthom għall-bdiewa, saħaq li jeħtieġ li tkun aġġornata u dan wara l-kontroversja li nqalgħet fuq il-permess tal-villa tal-Qala.

Mistoqsi minn ġurnalist tal-MaltaToday, dwar jekk il-membri tal-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar għandhomx jirriżenjaw, il-Ministru saħaq li hemm “għexieren jekk mhux mijiet,” ta’ applikazzjonijiet, simili għal dik tal-Qala, li kienu approvati minħabba l-policy tal-ODZ.

“Hemm bżonn inbidluha,” wieġeb il-Ministru waqt li insista li l-membri tal-bord ma jaħtux.

Huwa kien kritiku ta’ kumitat tal-Awtorità tal-Ippjanar li twaqqaf 18-il xahar ilu biex jaġġorna din il-policy iżda li dwarha qatt ma ntlaħaq qbil.

“Dan il-kumitat ... iltaqa’ madwar sitt darbiet iżda qatt ma ntlaħaq qbil. Jekk irrid nagħmel xi ħaġa niltaqa’ sitt darbiet fil-ġimgħa,” insista l-Ministru.

More in Politika