Residenti tas-Swieqi mbeżżgħin ... il-pulizija tinvestiga marki suspettużi fuq id-djar

Wara mewġa ta' serq fl-2014 fis-Swieqi jerġgħu jfeġġu marki mad-djar, li jidher illi huma wżati mill-ħallelin biex tiddistingwi dar minn oħra

Il-gazzetta ILLUM tista’ tiżvela li l-Pulizija qed tinvestiga numru ta’ marki li nstabu mad-djar fis-Swieqi  u li allegatament jintużaw minn gangs kriminali u professjonali fis-serq.

Residenti mwerwra li tkellmu ma’ din il-gazzetta, spjegaw kif din il-ġimgħa skoprew numru ta’ taħżiż mal-proprjetà tagħhom (ara ritratti). Jidher li fil-kriminalità organizzata, dawn il-marki jintużaw mill-ħallelin meta jkunu qed jippjanaw is-serqiet tagħhom.

Hu mifhum li dawn is-sinjali jfissru diversi affarijiet fosthom jekk id-dar tinsabx protetta bil-kameras tas-sigurtà u alarm, jekk hix dar li diġà nsterqet u saħansitra marka speċifika biex tiddistingwi dar ‘fqira’ minn waħda ‘sinjura’.

L-ILLUM għamlet kuntatt mas-Sindku tas-Swieqi, Noel Muscat li meta mistoqsi fuq din l-affari kien pront jispjega li għalkemm hu personalment ma kienx informat bl-aħħar sejbiet, din mhix l-ewwel darba li saru rapporti simili fil-lokalità. Mal-ILLUM huwa qal li reċentement saret laqgħa bejn il-Pulizija u l-lokalità li fiha ġew diskussi materji relatati fosthom dawk ta’ aktar rondi mill-Pulizija tad-distrett.

Ritratt ta' waħda mill-marki duq id-djar
Ritratt ta' waħda mill-marki duq id-djar

Ta’ min jinnota li skont l-aħħar informazzjoni ppubblikata tul is-sena li għaddiet seħħew 20 serqa fis-Swieqi.

Il-ħallelin kienu kapaċi jiftħu l-bieb f’ħames sekondi

Kif qal is-Sindku, din mhux l-ewwel darba li dan it-taħżiż mad-djar ġie konness ma’ attività kriminali organizzata.

Fl-2014, l-inħawi ta’ Tas-Sliema u San Ġiljan kienu ‘tterrorizzati’ minn numru kbir ta’ serqiet. F’dawn is-serqiet ukoll kienu ntużaw dawn is-sinjali.

Wara investigazzjoni intensiva, il-Pulizija kienet ressqet il-Qorti grupp ta’ kriminali magħmul minn żewġ irġiel mill-Ġorġja, ieħor mill-Polonja u żewġ nisa mill-Kyrgzstan u l-Litwanja mixlija b’28 serqa minn 24 appartament. F’serqa waħda minn appartament huma kienu ħadu €50,000 f'deheb, ġojjelli u oġġetti oħra.

Fil-Qorti kien ġie żvelat kif, dawn il-ħames persuni kienu jagħmlu parti minn organizzazzjoni kriminali barranija li tagħmel dawn it-tip ta’ reati u li membri ta' din l-għaqda jkollhom tattoo biex ikun magħruf il-grad tagħhom fi ħdan l-għaqda. Ġie magħruf ukoll kif wieħed mill-membri kellu l-kapaċità jiftaħ il-bieb f'ħames sekondi u dan mingħajr żgass.

L-aħħar żvolta f’dan il-każ kienet propju l-ġimgħa l-oħra meta l-Pulizija ppubblikat avviż dwar mara implikata f’dan is-serq li sparixxiet minn Malta wara li ngħatat il-libertà proviżorja. Adilet Shakirgazieva, issa tinsab fil-lista ta’ Europol bħala t-18-il mara l-aktar imfittxija fl-Ewropa.

More in Politika