Il-Ministru jgħid li 'r-rewwixta' f'Ħal Far bdiet minn immigrant fis-sakra li twaqqaf milli jidħol fiċ-ċentru

Il-Ministru Farrugia jisħaq li l-liġi qiegħda hemm għal kulħadd u mhux se jittollera li jkun hemm min jaqbeż il-limitu

“M’aħniex se nittolleraw min jaqbeż il-limitu.” Hekk saħaq il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia fl-ewwel reazzjoni tiegħu wara dak li seħħ matul il-lejl li għadda f’Ħal Far.

Meta kien qed jiġi intervistat fuq il-programmONE Breakfast, il-Ministru Farrugia qal li mill-ewwel informazzjoni li wasslitlu jidher li kollox beda meta immigrant li kien fis-sakra pprova jidħol tard bil-lejl u dan kontra r-regolamenti taċ-ċentru miftuħ.

Skont il-Ministru, meta dan ma tħallix jidħol, huwa għajjat lil sħabu li ġew għall-għajnuna u min hemm beda kollox.

Fil-kummenti tiegħu, il-Ministru saħaq li filwaqt li hu ma għandu xejn kontra protesti paċifiċi, anzi jippermettihom, insista li mhux se jippermetti li jkun hemm min jaqbeż il-limitu.

“Meta taqbeż il-limitu hemm il-liġi u mhux se nittolleraw lil min ixewwex lill-immigranti u jista’ jkun hemm nies lokali u barranin li qed ixewxu. Se nkunu qed naraw li dawk l-immigranti li qabżu l-limitu jkunu identifikati u jittieħdu l-passi kontra tagħhom,” saħaq il-Ministru.

Huwa kkonferma li wara l-lejl li għadda saru wkoll xi arresti.

Temm jgħid li Malta tmur oltre mid-dmiriijet tagħha meta ssalva lil dawk li jkunu fil-periklu iżda insista li l-liġi qiegħda hemm għal kulħadd u mhux għal Maltin biss.

More in Politika