Filmat | Oħt Daphne tkeċċi lil Adrian Delia minn quddiem il-mafkar

Oħt Daphne ma ħallietx lil Delia jpoġġi l-fjuri waqt li bdiet tgħajjar lil dawk li kienu miegħu bħala "qabda ħallelin"

Dalgħodu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia tkeċċa minn oħt Daphne Caruana Galizia meta mar il-Belt, quddiem il-Monument tal-Assedju, biex ipoġġi kuruna ta' fjuri quddiem ir-ritratt ta' Daphne, fit-tieni anniversarju mill-mewt tagħha.

Delia kien akkumpanjat minn diversi esponenti tal-Partit Nazzjonalista, meta oħt Daphne, li inzertat kienet tirranġa l-mafkar għall-manifestazzjoni tal-lejla, bdiet twaqqfu u titolbu juri rispett waqt li għajret lilu u lil dawk li kienu miegħu bħala "qabda ħallelin."

"Itlaq minn quddiemi," bdiet tinsisti oħt Daphne. "Ħalluni ħames minuti nipprepara l-mafkar."

Kien hawn li oħt Daphne akkużat lil Delia li qed jagħmel dan il-ġest għall-kamera u saħansitra tinsisti miegħu biex juri ftit rispett.

Min-naħa tiegħu, Adrian Delia pprova jispjegawlha li ġew quddiem il-Qorti biex juru rispett.

Madanakollu, oħt Daphne reġgħet weġbitu, tinsisti miegħu biex ir-rispett imur jurih il-Qorti jew f'xi għassa tal-Pulizija.

"Isħtu. Qabda ħallelin," bdiet tgħajjat għal aktar minn darba.

Il-kuruna ta' fjuri li poġġa Delia spiċċat mgħaffġa quddiem il-Monument tal-Assedju.

Filmat: LovinMalta

More in Politika