Delia jrid lill-PM jieħu 'azzjoni' kontra tliet ministri; Il-PL jgħidlu li qed jipprova jintogħġob

Delia qed jisħaq li l-Qorti Kostituzzjonali ddikjarat li l-ministri Edward Scicluna, Konrad Mizzi u Chris Cardona kisru l-liġi

Il-Prim Ministru Joseph Muscat għandu jieħu “azzjoni immedjata” kontra l-Ministru Edward Scicluna, il-Ministru Konrad Mizzi u l-Ministru Chris Cardona u dan wara d-deċiżjoni tal-Qorti dwar it-talba biex it-tliet ministri jittellgħu jixhdu dwar kif ikkwotaw mir-rapport konfidenzjali dwar Egrant, f’każ separat.

Fuq Twitter, Delia saħaq li bid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti Kostituzzjonali ddikjarat li “l-ministri huma suspettati li kisru l-liġi.”

Il-Qorti Kostituzzjonali laqgħet it-talba tat-tliet ministri u bidlet deċiżjoni biex jittellgħu jixhdu dwar kif ikkwotaw mir-rapport Egrant f’każ separat dwar il-VGH.

Fid-deċiżjoni tagħha l-Qorti saħqet li qed tagħmel dan biex tissalvagwardja l-kunfidenzjalità tal-inkjesta u anke biex tipproteġi l-interessi tal-ministri, “persuni suspettati,” fl-inkjesta.

Il-Qorti ordnat lill-ministri biex jippreżentaw biss il-parti mir-risposta tagħhom fejn ikkwotaw mir-rapport Egrant, fl-atti dwar l-inkjesta tal-VGH minn Ġunju li għadda.

Madanakollu, Delia qed jisħaq li l-Qorti Kostituzzjonali “iddikjarat li t-tliet ministri huma suspettati li kisru l-liġi kriminali u għalhekk, għal din ir-raġuni, għandhom ikunu sfurzati jixhdu.”

“Il-Kap tal-Oppożizzjoni issa jdur fuq il-Prim Ministru u jisfidah biex jieħu azzjoni kontra t-tliet ministri li kienu ddikjarati mill-għola Qorti f’Malta li kienu suspettati kriminali,” qal il-PN fi stqarrija.

Delia jaqleb il-prinċipji tal-liġi ta’ taħt fuq 

Fir-reazzjoni tiegħu, il-Partit Laburista saħaq li Adrian Delia qed jivvinta li l-Qorti ddikjarat xi ħaġa kontra l-ministri. 

“Huwa Adrian Delia li bil-passi legali ddisprati li qed jieħu qed jipprova jitfa’ suspetti legali fuq kull min jiġi quddiemu. Dan fl-aħħar attentat iddisprat biex jintogħġob mal-fazzjoni li sa ftit tal-ġimgħat ilu kienet qed tipprova ttajru minn Kap tal-Partit Nazzjonalista,” saħqet il-PL.

More in Politika