Delia jgħid li l-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta' Daphne ma tgawdix il-fiduċja tal-pajjiż

Delia jisħaq li aktar mhu qed jgħaddi żmien, aktar qed tinqatel il-verità

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia saħaq li l-poplu qed jistenna li l-inkjesta ppubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, tkun tgawdi l-fiduċja kemm tal-familja u anke tal-pajjiż, xi ħaġa li fi kliemu bħalissa ma tistax issir.

Delia qal dan waqt li kien qed jitkellem fuq ir-radju tal-PN, ftit jiem biss qabel it-tieni anniversarju mill-mewt ta’ Daphne Caruana Galizia.

Fi kliemu,  aktar mhu qed jgħaddi żmien, qed tinqatel il-verità.”

Tul l-intervent tiegħu, Adrian Delia fakkar fil-mozzjoni li l-PN ippreżenta fil-Parlament biex tiġi ddikjarata emerġenza nazzjonali u t-twaqqif ta' Kumitat Permanenti bit-titlu ta' Kumitat Nazzjonali għall-Emerġenza tat-Tibdil tal-Klima. 

“Pajjiżna jrid ikun fuq quddiem fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Irridu nissalvagwardjaw l-ambjent tas-soċjetà tal-lum u t'għada,” insista l-Kap Nazzjonalista. 

Ikkritika wkoll lill-Gvern għax fi kliemi, l-għajta ta’ Malta tagħna lkoll inbidlet għal waħda fejn kollox huwa għal tal-qalba.

“Fi ftit ġranet, l-eks Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista James Piscopo ngħata poter assolut fid-Dipartiment tal-Artijiet, u issa sirna nafu li nħatar chairman tal-ARMS. Il-postijiet qed jinħatfu minn tal-qalba li jieklu b'aktar minn ħalq wieħed u b'salarji goffi biex imbagħad flus għall-għalliema jew għall-akkomodazzjoni soċjali m'hemmx,” insista delia.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem ukoll dwar ir-risposta li għamel għal talba fil-Qorti mill-Ministri, Edward Scicluna, Konrad Mizzi u Chris Cardona biex nhar it-Tnejn ma jitilgħux jixhdu fil-kawża Egrant wara li l-Qorti Kostituzzjonali ordnatilhom li jagħmlu hekk, u dan għaliex iridu jżommu l-verità mistura. 

“Huma għandhom aċċess għar-rapport, l-Oppożizzjoni u l-poplu m'għandhomx. Il-mistoqsija li trid issir lil dawn it-tliet Ministri hija: Min fejn kkwotaw dak li kkwotaw mill-inkjesta, liema silta ma tinstabx fil-konklużjonijiet tal-Maġistrat Aaron Bugeja. Joseph Muscat, dawn it-tliet Ministri u l-Avukat Ġenerali ma jridux li l-poplu jkun jaf il-verità kollha,” qal Delia.

Temm jisħaq li tul l-aħaħr ġimgħa, il-PN wera li hu partit ħaj u dinamiku u dan għax kemm fil-Parlament u anke barra minnu tkellem fuq is-saħħa tan-nies u l-ambjent ta' madwarna, favur il-futur ta' wliedna u ta' wlied uliednafilwaqt li, fi kliemu, kompla jiddefendi r-reputazzjoni ta' pajjiżna.

More in Politika