'Minkejja li aħna l-iżgħar pajjiż fl-UE mhux se ninsew l-obbligazzjonijiet umanitarji tagħna' - Muscat

Il-Prim Ministru kien qiegħed jitkellem f’konferenza f’Lyon, bl-isem ta’ ‘Step-up the Fight’, imsejħa mill-President Franċiż Emmanuel Macron

“Minkejja li aħna l-iżgħar pajjiż fl-Unjoni Ewropea qed nuru lil kulħadd li l-ġlieda għall-eradikazzjoni tal-AIDS, il-Malarja u t-Tuberkulożi hija responsabbiltà ta’ kulħadd mhux ta’ ftit biss”, stqarr dan il-Prim Ministru Joseph Muscat waqt li kien qed jipparteċipa f’konferenza f’Lyon, Franza bl-isem ta’ ‘Step-up the Fight’, imsejħa mill-President Franċiż Emmanuel Macron.

 Muscat ħabbar li Malta għall-ewwel darba, se tkun qed tikkontribwixxi €300,000 fuq medda ta’ tliet snin għal dan il-fond.

Il-President Franċiż Emmanuel Macron faħħar din il-kontribuzzjoni ta’ Malta minkejja li b’rizorsi limitati fejn pajjiżi li huma ferm akbar minna b’dan l-att Malta qed turi tmexxija.

Waqt id-diskors tiegħu, il-Prim Ministru spjega li f’Malta s-servizzi tas-saħħa diġà jikkontribwixxu biex mard bħat-tuberkulożi jkun eradikat, fosthom billi tingħata assistenza medika lil immigranti irregolari li mhux biss qed jiġu salvati mill-baħar iżda qed jirċievu screening u vaċċini għal kontra l-istess tuberkulożi, fost għajnuna medika oħra.

 Muscat stqarr li fost it-52 każ ta’ tuberkulożi li jiġu rraportati f’Malta, 4% biss huma pażjenti Maltin.

“Minkejja li aħna l-iżgħar pajjiż fl-Unjoni Ewropea mhux se ninsew l-obbligazzjonijiet umanitarji tagħna”, saħaq il-Prim Ministru.

Fl-aħħarnett, il-Prim Ministru għamel referenza għall-AIDS u l-HIV u stqarr li għandhom jitneħħew l-istigmati li jeżistu fil-konfront tal-komunità LGTBIQ, u saħansitra liġijiet li jikkriminalizzaw lil din il-komunità.

Waqt din il-konferenza, il-Prim Ministru kien akkompanjat mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.

More in Politika