Filmat | 'Malta tixtieq tibqa' l-aktar pajjiż Ewropew viċin ir-Renju Unit' - Zammit Lewis

Il-Ministru qal dan waqt Business Breakfast organizzat dalgħodu dwar Brexit mill-gazzetta Business Today

Edward Zammit Lewis
Edward Zammit Lewis

Il-Ministru responsabbli mill-Affarijiet Ewropej Edward Zammit Lewis saħaq li Malta tixtieq li tibqa' l-aktar pajjiż viċin tar-Renju Unit fl-Unjoni Ewropea waqt li saħaq li se jkun hemm miżuri li jassiguraw tranżizzjoni bla ħafna skossi għaċ-ċittadini Ingliżi f’Malta.

Huwa qal dan waqt Business Breakfast organizzat mill-gazzetta Business Today, li l-kumpanija MediaToday bdiet tippubblika aktar kmieni din is-sena.

Il-Business Breakfast iddiskuta Brexit li għandu jsir aktar tard dan ix-xahar, bil-Ministru Zammit Lewis jisħaq li Malta hija ppreparata għal kull eventwalità anke jekk tippreferi li Brexit iseħħ bi ftehim.

Kompla jispjega kif il-Gvern għandu pjan ċar biex Brexit ma jkollux impatt negattiv la fuq il-Maltin u lanqas fuq in-negozju mar-Renju Unit.

Stuart Gill
Stuart Gill

Il-proposti l-ġodda joffru “kompromess raġonevoli”

Tkellem ukoll il-Kummissarju Għoli Ingliż Stuart Gill li insista li l-proposti l-ġodda li r-Renju Unit qiegħed jimbotta ‘l quddiem għal Brexit joffru “kompromess raġonevoli.”

Gill wera t-tama tiegħu li tinstab soluzzjoni għall-kwistjoni tal-backstop Irlandiża li ġġammjat il-ftehim tar-Renju Unit mal-Unjoni Ewropea u ħoloq kriżi kbira politika.

Huwa saħaq li r-Renju Unit jinsab ippreparat għall-eventwalità ta’ Brexit bla ftehim, iżda awgura li qabel il-31 ta’ Ottubru, jintlaħaq ftehim.

Ilbieraħ, il-midja Ingliża rrappurtat kif telefonata bejn Boris Johnson u Angela Merkel ma tantx marret tajjeb u l-possibbilità ta’ Brexit bla ftehim kibret.

Gill insista li kemm Boris Johnson u kulħadd fir-Renju Unit irid ftehim.

Tħassib fis-settur finanzjarju

Il-kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji, Joseph Cuschieri insista li Brexit bla ftehim jista’ jkollu impatt negattiv qawwi fuq is-settur tas-servizzi finanzjarji.

Min-naħa tagħha, Marika Tonna,mill-Malta Enterprise, qalet li l-aġenzija qed taħdem viċin kumpaniji Maltin biex tgħinhom jaddottaw għal meta jseħħ Brexit u r-Renju Unit isir pajjiż terz.

More in Politika