Mill-metro sas-sick leave mhux użat ... il-PN xi jrid mill-baġit?

Il-PN ippreżenta rapport b’numru ta’ proposti. Ir-rapport, ippreżentat b’mod professjonali, fih diversi proposti tajbin, oħrajn innovattivi, wħud irriċiklati u bosta oħrajn vagi

Il-Baġit issa jinsab wara l-bieb u bħal kull sena, minn qabel jibdew jaslu proposti mill-korpi kostitwiti, għaqdiet diversi kif ukoll mill-Oppożizzjoni. 

L-Oppożizzjoni fil-fatt ressqet il-proposti tagħha fil-forma ta’ dokument imsejjaħ ‘Ekonomija bbilanċjata. Soċjetà sostenibbli’.  Il-gazzetta ILLUM qed telenka u tikkummenta dwar uħud mill-proposti li ressaq il-Partit Nazzjonalist.

Ħaddiema barranin

Il-PN issa ilu ftit jitkellem dwar il-barranin u l-fatt illi Malta qiegħda dejjem aktar issir iffullata hekk kif qed jiġu tant u tant barranin jgħixu u jaħdmu f’pajjiżna. Dan is-sens ta’ dwejjaq għal dan il-fatt huwa mifrux ġeografikament, politikament u anke soċjalment. 

Id-dokument tal-PN ma jindirizzax din il-problema bil-miżuri drastiċi li hawn min iħoss li għandhom ikunu attwati. Lanqas jipproponi xi forma ta’ tibdiliet jew diskussjonijiet dwar is-sħubija ta’ pajjiżna fix-Shengen. 

Id-dokument iżda jipproponi miżuri f’oqsma differenti illi kieku jkunu implimentati jħarsu aktar id-dinjità tal-immigrant bħala ħaddiem. 

L-aċċenn kontinwu fir-rapport tal-PN f’dan il-qasam jidher illi qed jittratta l-punt ta’ pajjiż li jattira aktar ħaddiema ta’ ħiliet għoljin, minflok dawk baxxi. Din il-proposta hija ‘vaga’ u miftuħa għal ħafna interpretazzjoni ta’ x’qed infissru biha meta ngħidu ħiliet baxxi jew għolja. U min se jagħmel dawk ix-xogħlijiet b’ħiliet baxxi. Min se jnaddaf it-toroq? Min se jservi ta’ fattiga fil-lukandi u binjiet? Min se jservi l-ikel fir-ristoranti? Min se jibni? Min se jiġbor iż-żibel? 

Il-PN jidher li għal darb’oħra qed jitqanżaħ biex isemmi kemm sirna ffullati u li n-numru ta’ barranin qed isir problema, imma min-naħa l-oħra qed jibqa’ lura milli jipproponi miżuri drastiċi li ħafna, tajjeb jew ħażin, qed jistennew. 

Għaldaqstant, fuq il-ħaddiema barranin il-punti għall-PN huma baxxi ferm.

Ix-xogħol u drittijiet tal-ħaddiema

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista addotta lingwaġġ li jipproġettah bħala persuna li qed tifhem lill-ħaddiem, li ngħiduha kif inhi, minkejja li ilu ma jara inizjattivi fiskali favuru mill-Gvern daqs bħalissa, xorta għadu qed jara l-ispejjeż (speċjalment tal-ikel) telgħin. 

Dan ir-rapport fih proposti li jagħmlu ħafna sens, uħud minnhom ilhom jissemmew waqt li oħrajn huma aktar innovattivi.  

Il-PN qed jipproponi li ħaddiema ma’ kumpanija privata li tingħata tender tal-Gvern għandhom ikollhom l-istess kundizzjonijiet tal-ħaddiema tal-Gvern. Fi kliem sempliċi jekk il-Gvern jagħti tender għall-ħaddiema ta’ sigurtà, dawn għandhom jitħallsu daqs il-grad li jitħallas ħaddiem tas-sigurtà mal-Gvern. 

Naturalment is-sistema biex taħdem inizjattiva bħal din trid tiġi evalwata sew u tagħmel tajjeb għall-eċċezzjonijiet u differenzi. Minkejja dan, din il-proposta hija waħda pożittiva ħafna u tneħħi mill-abbuż li jsir ta’ ħlas miżeru lill-ħaddiema tal-kuntrattur, ġeneralment bl-iskuża illi t-tender kien irħis u allura ma jistax ikopri pagi ogħla. 

Il-PN qed jgħid li hu jaqbel ma’ miżuri ‘li jonkoraġġixxi lill-ħaddiema kollha jissieħbu ma’ unjin.’ Dan huwa issa iswed fuq l-abjad l-appoġġ tal-PN lill-miżura li l-Gvern kien qal li għandha ssir diskussjoni dwarha, li iżda dwarha ftit li xejn ġie diskuss. 

Il-kuntratti tax-xogħol jeħtieġ juru d-drittijiet kollha tal-ħaddiem waqt li dawk kollha li jħaddmu jeħtieġu jippreżentaw kuntratt tax-xogħol u jassiguraw li l-kundizzjonijiet u d-drittijiet kollha, fosthom il-ġranet frank, qed jingħataw. 

Finalment, proposta ferm interessanti tal-PN hija dik marbuta mas-sick leave. Il-PN qed jipproponi li dak is-sick leave ta’ ħaddiem li ma ntużax fl-aħħar sitt snin, jista’ mbagħad jiġġemma’ biex jituża f’każ ta’ mard serju. Is-sick leave ta’ ġenituri li ma jintużax fl-aħħar sitt snin jista’ mbagħad jintuża biex dawn jieħdu ħsieb it-tfal, id-dar. 

Dawn il-miżuri huma verament tajbin, b’mod speċjali dawk relatati mal-mard u allura qed nagħtu punti għolja lill-proposti tal-PN f’dan il-qasam. 

Il-fqar u l-vulnerabbli

Il-PN jagħmel numru ta’ proposti, uħud minnhom tajbin  u oħrajn li kienu diġà proposti mill-Partit Laburista iżda li għadhom ma ġewx attwati. 

Il-PN qed jipproponi ‘pensjonijiet adegwati’. Għalkemm żgur li għad irid isir ħafna, f’dan il-qasam wieħed ma jistax ma jiħux kont tal-fatt illi dan il-Gvern, qiegħed Baġit wara l-ieħor, iżid il-pensjonijiet. Dan ma jfissirx li huma ‘adegwati’ imma jfisser li kien hemm titjib. Il-PN qed jgħid ukoll li l-pensjoni għandha ssir dritt soċjali. 

Il-PN qed jgħid li għandha tkun eliminata d-diskriminazzjoni fil-ħlas fuq bażi tal-ġeneru, għalkemm jieqaf hemm u ftit li xejn jgħid kif dan għandu jsir, kif ma kienx b’saħħtu biżżejjed fuq il-housing, suġġett li l-Kap tal-PN qajjem tant drabi. 

Iktar pożittivi kienu l-proposti li jittrattaw il-bolla. Il-PN qed jipproponi li l-bolla mħallsa minn dawn li għandhom bejn 16 u 18-il sena tista’ tagħmel tajjeb għal bolla nieqsa fis-snin ta’ qabel. Il-PN qed jisħaq illi kull xogħol li jaqbeż l-40 siegħa għandu jkun meqjus bħala sahra, filwaqt illi simili għall-proposta tal-PL fl-aħħar elezzjoni (il-proposta għadha ma kinitx implimentata) qed jipproponi li t-taxxa fuq is-sahra tonqos, minn 15% għal 10%. Proposta oħra hija dwar tnaqqis fit-taxxa minn spejjeż magħmula minn ġenituri waħedhom. 

Bi proposti tajbin, oħrajn ikkupjati u oħrajn vagi f’dan is-settur il-PN jikseb ftit iktar minn nofs il-punti. 

Edukazzjoni

Fil-qasam tal-edukazzjoni wieħed isib numru ta’ proposti baġitarji, li iżda ma jimpressjonawx wisq u li mill-ġdid huma xi ftit jew wisq vagi. 

Pereżempju, u b’rispons għall-garr li hemm fost l-għalliema, il-PN qal li l-professjoni tal-għalliema għandha tingħata iktar assistenza. Kif u x’tip ta’ assistenza għandha tingħata lill-għalliema iżda, il-PN ma jsemmix. L-istess partit fil-proposti jgħid li hemm bżonn ta’ aktar riżorsi u li għandu jkun hemm iktar konċentrazzjoni fuq l-istudenti tal-kinder u tal-iskola primarja. 

L-unika proposta iktar konkreta, għalkemm xejn ġdid, hija l-proposta li l-Gvern jerġa’ joħroġ sejħa għal għotjiet post-doc, jiġifieri għal studju u riċerka wara d-dottorat. Il-PN ifakkar li l-aħħar sejħa li saret mill-Gvern kien fl-2015. 

 Minħabba li l-proposti f’dan il-qasam huma wisq vagi, il-punteġġ f’dan is-settur huwa baxx.

L-ambjent

Fl-ambjent dan ir-rapport imur tajjeb ħafna, b’diversi proposti interessanti, ħafna minnhom pjuttost innovattivi. Interessanti l-proposta biex ikunu diskussi u jinstabu soluzzjonijiet għal sitwazzjoni fejn bini li jogħla jgħatti l-installazzjonijiet tal-ġirien. “Aħna nipproponu miżuri li jkunu diskussi bħal pereżempju kumpens lil dawk affettwati,” jgħid ir-rapport. 

Il-PN qed jipproponi li jingħataw inċentivi għal ġonna fuq bjut u li ssir konsultazzjoni dwar il-politika tal-iskyline ta’ Malta. 

L-oppożizzjoni qed titlob lill-Awtorità tal-Ippjanar biex meta tkun qed tagħti permess ta’ żvilupp, tagħti wkoll żmien stipulat sa meta dan ix-xogħol għandu jitlesta biex jitnaqqas l-inkonvenjent. Qed issir proposta biex isiru aktar inċentivi ta’ restawr, mhux biss ta’ djar antiki ħafna imma wkoll ta’ proprjetajiet li għandhom bżonn dawra tajba f’Buġibba u l-Qawra. 

Il-PN qed jgħid illi l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsa għandha tingħata poter tal-veto fuq applikazzjonijiet f’lokalitajiet ambjentalment sensittivi. Proposta bħal din tagħti aktar saħħa lill-ERA fuq kwistjonijiet ambjentali.

Il-PN mhux qed jagħmel proposti biss fir-rigward tal-art imma anke tal-istorbju u tal-ilma. 

Fuq l-istorbju, il-PN qed jisħaq illi għandu jitwaqqaf Bord tal-Kontroll tal-istorbju u qed jitlob li l-istorbju jkun regolat biex ikun determinat x’inhu storbju raġonevoli u x’mhux, skont l-attività.  Finalment qed jitolbu li tkun infurzata l-liġi li kull dar ikollha bir u ċisterni, għall-ħażna tal-ilma.

Dawn il-proposti u oħrajn tal-PN dwar l-ambjent huma ġeneralment tajbin u innovattivi, ir-raġuni għaliex qed nagħtu punti għolja. 

Trasport pubbliku 

U finalment il-PN għamel ukoll proposti dwar il-trasport pubbliku. 

L-aqwa proposta tal-PN tibqa’ dik li titratta t-trasportazzjoni tal-massa. Proġett li ilu diskuss iżda ftit li xejn għadu sar li huwa tanġibbli dwaru sa issa. Il-PN fil-fatt kien ippropona din is-sistema lura waqt l-aħħar kampanja tal-elezzjoni ġenerali, meta kien saħansitra ppubblika ktieb f’dan ir-rigward. 

Sfortunatament din il-proposta ma ngħatatx l-importanza mistħoqqa waqt kampanja elettorali li kienet prattikament kollha ffukata fuq il-korruzzjoni. 

Punti oħrajn proposti mill-PN jittrattaw il-bżonn li l-Gvern jintroduċi trasport carbon neutral u jgħid ukoll li għandhom jiżdiedu iktar ir-rotot ta’ tal-linja lejn lokalitajiet iffrekwentati ħafna. 

Kollox  ma’ kollox, il-punteġġ pożittiv tal-PN fuq dan is-settur jibqa’ jserraħ l-aktar fuq il-proġett ta’ trasport tal-massa, li jiswa miljuni kbar imma li jista’ jsir mill-privat kif sar f’postijiet oħrajn b’ħidma konġunta mal-privat. 

Naturalment maż-żmien il-PN se jkollu juri ħafna iktar x’juri fuq dan il-proġett. 

More in Politika