Jintagħżlu ż-żewġ disinji għall-proġetti ta' housing speċjalizzat f'Bormla u l-Birgu

F'Bormla se jkun hemm dar għal ommijiet bi sfidi ta' saħħa mentali u fil-Birgu se tinfetaħ dar għall-priġunieri li jkunu qed jiskontaw l-aħħar ftit xhur tas-sentenza tagħhom

Intgħażlu ż-żewġ disinji għall-ewwel żewġ proġetti ta’ housing speċjalizzati u dan wara kompetizzjoni li kienet organizzata mill-Kamra tal-Periti. 

Iż-żewġ NGOs li qed jibbenefikaw mill-policy bl-isem ta’ ‘Sustainable Communities: Housing for Tomorrow’ huma Richmond Foundation u Mid-Dlam Għad-Dawl. Dawn il-proġetti qed isiru b’investiment ta’ €500,000. 

“Għall-ewwel darba l-gvern qed jgħaddi dawn iż-żewġt idjar biex tingħata kura u għajnuna speċjalizzata lil persuni vulnerabbli. Id-disinji, li ġew aġġudikati minn ġurija ta’ esperti, jassiguraw li jkollna disinn inklussiv li jħares lejn il-bżonnijiet tar-residenti partikolari,” spjega s-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes. 

Richmond Foundation qed jingħataw dar ġewwa Bormla, li fiha se joffru servizz lil ommijiet li jkollhom sfidi ta’ saħħa mentali u jkollhom bżonn akkomodazzjoni u terapija speċjalizzata fl-istess żmien. 

It-tieni dar, li tinsab ġewwa l-Birgu, qed tingħata lill-organizzazzjoni Mid-Dlam Għad-Dawl, fejn fiha se joffru akkomodazzjoni u servizzi ta’ terapija lil dawk il-priġunieri li jkunu qed jiskontaw l-aħħar ftit xhur tas-sentenza tagħhom, bl-għan li jibdew jintegraw lura fil-familji tagħhom u fil-komunita’.

Wara li intgħażlu l-NGOs li se jibbenefikaw, infetħet kompetizzjoni tad-disinn għal periti biex minnhom jintgħażlu id-disinji.

L-uffiċċju tal-periti ‘Local Office’ huma r-rebbieħa tal-proġett ta’ Bormla (Richmond Foundation), filwaqt li l-uffiċċju tal-periti ‘Openworkstudio’ huma r-rebbieħa tal-proġett tal-Birgu (Mid-Dlam Għad-Dawl).

More in Politika