Pjanijiet biex jerġgħu jiġu emendati l-istandards tad-djar tal-anzjani

L-ewwel sett ta' standards sar fl-2015

Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Anthony Agius Decelis, saħaq li hemm pjanijiet sabiex l-istandards tad-djar tal-anzjani jiġu emendati.

“Ta’ min jgħid li qabel l-2015 ma kinux jeżistu standards, iżda kien hemm sempliċiment linji gwida. Daħħalna dawn l-istandards u issa jmiss li nagħmlu reviżjoni tagħhom,” spjega s-Segretarju Parlamentari.

Dawn l-istandards jittrattaw diversi binarji differenti fosthom il-kura tas-saħħa u l-kura personali, il-ħajja ta’ kuljum u l-attivitajiet soċjali, l-ambjent, l-ingaġġ ta’ ħaddiema u l-amministrazzjoni.

Mistoqsi għaliex hemm il-ħtieġa għal reviżjoni ftit żmien wara li daħlu fis-seħħ dawn ir-regolamenti, Agius Decelis tenna jgħid li bħala Gvern dejjem għandhom iżidu u jtejbu fuq ix-xogħol li għamlu.

Djar tal-anzjani f’Malta sar hawn ħafna. Imma kollha qegħdin iżommu mar-regoli? Komplejna nistaqsu lill-Ministru dwar kif il-Gvern qiegħed jevalwa l-istandards bażiċi fid-djar tal-anzjani.

Huwa saħaq kif din is-sena l-Awtorità tal-Istandards tal-Ħarsien Soċjali għamlet mal-260 spezzjoni fid-djar tal-anzjani.

Mal-ILLUM huwa saħaq, “irridu nagħmluha ċara li din mhix lukanda iżda post fejn l-anzjanità attiva tiġi enfasizzata inkluż bir-rikreazzjoni u bil-kumdità tal-anzjani tagħna.”

Apparti minn dan huwa tkellem dwar il-ftehim li ġie ffirmat din il-ġimgħa bejn il-Gvern u l-Knisja li se jerġa’ jġedded il-ftehim bejn iż-żewġ partijiet għall-provedimenti tas-servizzi.

B’dan il-ftehim li mistenni jdum għall-perjodu ta’ tliet snin il-Gvern se jixtri 181 sodda, li minnhom 167 sodda ser jintużaw għall-kura residenzjali fit-tul, filwaqt li 14-il sodda ser jintużaw għal servizzi ta’ respite għal anzjani b’dipendenza għolja u medja.

Il-ftehim ġie ffirmat mill-Vigarju Episkopali għad-Djakonija, Monsinjur Charles Cordina, u mid-Direttur tad-Djar tal-Knisja għall-Anzjani, André Vassallo Grant, u mill-Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva, Dr Renzo De Gabriele, fil-preżenza tas-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjocesi ta’ Malta, Michael Pace Ross, u s-Segretarju Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis. 

Kif isiru l-ispezzjonijiet?

L-Awtorità tal-Istandards tal-Ħarsien Soċjali ġiet imwaqqfa f’Mejju tas-sena 2018 bl-għan li tħares is-settur tal-anzjani u tara li l-istandards stabbiliti jiġu milħuqa. 

Hu mifhum li għal kull żjara l-Awtorità tibgħat żewġ assessuri biex jassiguraw li jkun hemm trasparenza fil-proċess ta’ stħarriġ. 

Apparti minn hekk, għal kull spezzjoni l-Awtorità tal-Istandards ta’ Ħarsien Soċjali tiżviluppa numru ta’ rakkomandazzjonijiet lil min jipprovdi s-servizz. 

Apparti minn hekk dawn ir-rakkomandazzjonijiet jiġu ppreżentati bil-miktub lid-djar ikkonċernati waqt li jkompli jsir monitoraġġ tas-servizzi mgħotija u jiġi żgurat li s-servizz ikun ta’ kwalità għolja.

More in Politika