Qtil Daphne | Muscat jisħaq li minn stejjer bħal tal-bieraħ igawdu biss is-suspettati

Il-PM saħaq li jkun infurmat bi progress li jsir fil-każ iżda mhux infurmat u lanqas ma jitlob dettalji dwar persuni

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li filwaqt li jirrispetta d-dritt tal-ġurnalisti li jirrapportaw, insista li minn stejjer bħal tal-bieraħ jibbenefikaw biss is-suspettati li jkunu qed jiġu investigati.

Muscat qal dan lill-ġurnalisti wara li lbieraħ, il-gazzetta The Sunday Times of Malta rrapportat li negozjant prominenti huwa fost persuni suspettati li ordna l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Mistoqsi mill-ġurnalisti jekk jafx min huma dawn is-suspettati, Joseph Muscat saħaq li hu ma jkollux dawn it-tip ta’ dettalji u lanqas li kieku, għax fi kliemu mhux se jitkellem fuqhom pubblikament għax jispiċċaw igawdu s-suspettati infushom.

Huwa qal li għandu fiduċja kbira fil-Pulizija.

Muscat saħaq li filwaqt li l-awtoritajiet jinfurmawh fuq aspetti li jidrilhom li l-Prim Ministru għandu jkun jaf dwarhom, saħaq li ma jkunx serju jekk jitlob informazzjoni dwar persuni suspettati.

Mistoqsi dwar kummenti tad-Deputat Jason Azzopardi li lbieraħ insinwa li l-aħħar elezzjoni ġenerali ssejħet qabel għax il-pjan biex tinqatel Daphne Caruana Galizia kien lest, il-Prim Ministru wieġeb biss li ma jinteressahx dak li jgħid id-Deputat Nazzjonalista.

Skont The Sunday Times of Malta, l-investigaturi ilhom sena jsegwu persuni suspettati bħala l-moħħ wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, iżda sa issa qatt ma ġew mistoqsija.

L-Istess rapport kien jgħid li l-Prim Ministru Joseph Muscat, iċ-Chief of Staff Keith Schembri, il-Ministru Owen Bonnici u l-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar mistenni li jkunu fost ix-xhieda waqt il-ġuri li għad ma hemm l-ebda indikazzjoni meta dan mistenni jibda.

Jidher li isimhom tniżżel f'lista ppreparata mill-Avukat ta' Vince Muscat, wieħed mill-irġiel akkużati bil-qtil tal-ġurnalista sentejn ilu.

More in Politika