Mhumiex ċerti x'se jagħmlu jekk il-PA tivvota kontra l-estensjoni tal-kampus f’Bormla

Il-gazzetta ILLUM tiltaqa’ mal-President tal-Università Amerikana f’Malta, Lewis Walker u tistaqsih dwar iż-Żonqor, id-deċiżjoni riċenti tal-Awtorità tal-Ippjanar dwar il-kampus f’Bormla, l-istudenti u aktar

‘M’aħniex ċerti x’se nagħmlu.’ Hekk stqarr il-President tal-Università Amerikana ta’ Malta Lewis Walker, meta kien mistoqsi minn din il-gazzetta dwar l-eventwalità li s-sentenza preliminari tal-Awtorità tal-Ippjanar tkun ikkonfermata fis-seduta li jmiss.

“Għadna m’aħniex ċerti x’se nagħmlu. Ma nistax ngħid fiċ-ċert jekk nappellawx jew le,” insista l-President tal-AUM.

Ġimgħatejn ilu l-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar iddikjara li huwa kontra l-estensjoni kontroversajli tal-AUM fil-Baċir Numru 1 f’Bormla. Madanakollu, ġaladarba l-applikazzjoni kienet ġiet approvata mill-uffiċjal inkarigat mill-każ, id-deċiżjoni finali se tkun qiegħeda ttieħed f’seduta oħra.

L-ILLUM kompliet tistaqsi għaliex hemm bżonn din l-estensjoni fid-dawl tan-numru baxx ta’ studenti li bħalissa qed isegwu kors fl-AUM.

Huwa kien pront jgħid li, “mhux qed ngħid li għandna bżonn id-dormitorju f’dan il-mument, imma rridu nippjanaw minn qabel. Ma nistgħux inġibu aktar studenti mingħajr ma jkollna l-ispazju,” sostna Walker.

Fuq il-kwistjoni tan-numru fqir ta’ studenti li jattendu din l-Università, huwa qal li, “kull kumpanija start-up tibda bil-mod, iżda li sena wara sena n-numru ta’ studenti qiegħed jiżdied.”

Madanakollu huwa għamilha ċara li jixtiequ li jkunu sensittivi għar-riżervi tan-nies. “Nifhem ir-riżervi tan-nies fit-totalità tagħhom? Probabbli le, għax jien ġej minn pajjiż ieħor, iżda ċertament nixtieq li se nkunu sensittivi però fl-istess waqt irridu niżviluppaw b’mod xieraq,” qal Walker.

Id-dormitorju huwa fundamentali għall-operat tal-Università

Mistoqsi wkoll fuq il-bini ta’ dormitorju propost fi Triq San Pawl f’Bormla, il-President qal li huma għandhom bżonn kbir ta’ akkomodazzjoni għall-istudenti u li dan l-iżvilupp huwa fundamentali għall-operazzjoni kollha tal-Università.

L-ILLUM staqsietu għaliex hemm bżonn erba’ sulari dormitorju ġaladarba n-numru ta’ studenti għadu baxx. Fir-risposta tiegħu huwa argumenta li, “meta nikbru se jkollna bżonnu u aħna qed nikbru kull sena. Jekk ma niżviluppawx u jiġu numru kbir ta’ studenti jkollna problema, għalhekk irridu nantiċipaw. Ħafna universitajiet jibdew bil-mod u aħna bħalissa qegħdin f’dik il-fażi.”

Fl-aħħar nett l-ILLUM staqsietu jekk humiex jikkunsidraw il-proposta ta’ Bedingfield li f’intervista mal-gazzetta ILLUM kien ippropona l-Fortizza tas-Salvatur tal-Kalkara bħala waħda mill-alternattivi għal dan l-iżvilupp fil-qalb tal-Kottonera. Fuq din Walker qal li, “dan mhux l-uniku sit possibbli u li jinsabu f’ħidma rigward dan kollu. Mhux se ngħid li impossibbli,” temm jgħid il-President.

‘Il-kampus fis-sit taż-Żonqor se nibnuh’

Tkellimna miegħu wkoll dwar il-bini propost tal-kampus fiż-Żonqor, bil-President jagħmilha ċara li l-AUM se tkun qiegħda tiżviluppa t-tieni kampus tagħha fiż-Żonqor. 

“Iva, se nkunu qed niżviluppaw dan il-kampus fis-sit taż-Żonqor f’Marsaskala. Kif qal il-Prim Ministru Joseph Muscat, jeħtieġ li l-ewwel nilħqu ċertu livelli fl-operazzjoni tagħna, jiġiferi fil-kampus tal-Baċir Numru 1 f’Bormla. Meta naslu f’dak il-livell, ngħaddu għat-tieni parti,” saħaq Walker.

F’Marzu li għadda waqt l-inawgurazzjoni tal-Università Amerikana f’Bormla, il-Prim Ministru Joseph Muscat sostna li x-xogħol fiż-żona taż-Żonqor jibda biss wara li l-kampus f’Bormla jkun mimli studenti.

Fil-kuntratt bejn l-AUM u l-Gvern Malti ffirmat nhar il-11 ta’ Marzu 2016 hemm imniżżel ċar u tond li l-AUM għandha tattitra, “madwar 4,000 student sar-raba’ sena minn mindu jkun komplut il-proġett, b’1,00 student annwali.”

Dan ifisser illi sal-2023, hekk il-proġett kien ittardjat b’sena minħabba dewmien mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Għolja, l-iskola jrid ikollha 4,000 student, b’1,000 student ġdid kull sena.

More in Politika