'Il-kumment ta' Dalli dwar Konrad Mizzi kien leġittimu' jgħid il-PM

Mistoqsi dwar ir-risposta ta' Dalli fuq il-każ tal-Panama Papers, il-Prim Ministru Joseph Muscat jgħid li dan kien kumment leġittimu

Mistoqsi fuq il-kummenti tal-Kummissarju Ewropew Helena Dalli fil-konfront tal-Ministru Konrad Mizzi, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal mal-gazzetta oħt MaltaToday li, ‘dan kien kumment leġittimu.’

“Kulħadd jagħmel l-affarijiet differenti f’ħajtu kieku kellu ċans li jagħmilhom. Jien kuntent ħafna bil-prestazzjoni ta’ Helena Dalli,” saħaq Muscat.

Jumejn ilu waqt il-proċess ta’ skrutinju iebes biex tilħaq Kummissarju Ewropew, Helena Dalli dehret xettika meta kienet mistoqsija mill-Ewroparlamentari dwar il-Ministru Konrad Mizzi. Dalli qalet li kieku hi kienet taġixxi b’mod differenti.

Muscat żied jgħid li “kulħadd għandu l-idea personali tiegħu. Jiena nikkumenta fuqi nnifsi u mhux fuq ħaddieħor,” sostna l-Prim Ministru.

Intant f'kummenti separati li ta lill-midja fid-dawl tar-rimarki ta' Dalli, il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi qal li meta jħares lejn ir-reazzjonijiet li kellhom in-nies, jirrealizza li qatt ma messu fetaħ il-kumpanija fil-Panama.

More in Politika