‘Self mingħajr imgħax għal dawk li jixtiequ javvanzaw fl-istudji tagħhom

Titħabbar inizjattiva ġdida għall-dawk li jixtiequ jkomplu javvanzaw fl-istudji tagħhom

Illum waqt konferenza stampa s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali Aaron Farrugia tkellem fid-dettall dwar, ‘l-ewwel soluzzjoni finanzjarja b’garanzija tal-Fond Soċjali Ewropew.’

B’din l-inizjattiva, individwi li jixtiequ javvanzaw l-istudji tagħhom se jkunu qed jirċievu self mingħajr imgħax li jlaħħaq il-€100,000. F’dan il-fond se jiġu allokati t-total ta’ €5.5 miljun u dan qed isir b’kollaborazzjoni mal-Bank of Valletta, l-Bank Malti għall-Iżvilupp u l-EU Fund Management Authority.

Is-Segretarju Parlamentari Farrugia qal li dan hu l-ewwel proġett li qiegħed isir minn fondi Ewropej mal-Bank Malti għall-Iżvilupp. “Dan hu gwidat minn żewġ prinċipji: il-mobbiltà soċjali fil-pajjiż ma ssib ebda ostakli finanzjarji u t-tieni, dik li l-Gvern jindirizza vojt fis-suq privat,” qal Farrugia.

Huwa kompla jgħid li permezz ta’ din l-inizjattiva, l-istudenti, partikolarment dawk li ma kkwalifikawx għal scholarships fuq bażi annwali, issa se jkollhom aċċess għal iktar appoġġ permezz ta’ strument finanzjarju f’forma ta’ garanziji u self mingħajr imgħax. 

“Dan it-tip ta’ strument finanzjarju se jkun qed jikkumplimenta grants bħall-iskema ‘Endeavour’ u oħrajn u b’hekk jgħin lill-istudent jimmira iżjed ‘l fuq u jirnexxi, partikolarment fil-kuntest tal-baġit Ewropew li jmiss,” saħaq is-Segretarju Parlamentari.

FL-aħħar nett huwa qal li minkejja li bosta qed jinsistu biex il-loans jieħdu post il-‘cash grants,’ l-Gvern Malti jibqa' jisħaq li dawn għandhom jikkumplimentaw lil xulxin.

“Din l-inizjattiva se tikkontribwixxi għal aktar prosperità fil-pajjiż,” temm jgħid Farrugia.

More in Politika