Filmat | Delia jisħaq li Caruana Galizia għandhom dritt jistaqsu l-għażla ta' Refalo u Abela Medici

Il-familja Caruana Galizia ma tridx li Ian Refalo u Anthony Abela Medici jkunu parti mill-bord li se jwettaq l-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta' Daphne

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia saħaq li jaqbel mal-Ewroparlamentari Peter Omtzigt jiġifieri li l-familja ta’ Daphne Caruana Galizia għandu jkollha d-dritt li tiskrutinizza l-għażla tal-membri tal-bord li se jkun qed iwettaq l-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ sentejn ilu.

‘Meta għandna każ sensittiv bħal dan, il-familja, għandu jkollha l-privileġġ li tiskrutinizza l-membri biex iserħu rashom li ġustizzja se ssir,” insista Delia mal-MaltaToday.

Aktar kmieni dan ix-xahar, il-Gvern innomina lill-Imħallef Emeritu Michael Mallia, l-eks Dekan tal-Fakultà tal-Liġi Ian Refalo u l-espert forensiku Anthony Abela Medici biex iwettqu din l-inkjesta.

Il-familja Caruana Galizia qed tilmenta dwar l-għażla ta’ Refalo u Abela Medici, għax saħqu li jista’ jkun hemm kunflitt ta’ interess, minħabba l-kitba tal-ġurnalista.

Delia saħaq li filwaqt li ma għandu l-ebda dubju dwar il-kompetenza taż-żewġ esperti, jista’ jkun hemm mistoqsijiet dwar l-imparzjalità tagħhom.

“Aħna konnha ċari. Filwaqt li aħna kuntenti bl-għażla ta’ Michael Mallia, għandna riservi dwar iż-żewġ membri l-oħra, mhux il-kompetenza jew il-professjonalità tagħhom, iżda minħabba kunflitt ta’ interess,” qal il-Kap Nazzonalista.

Kompla jisħaq li huwa importanti li l-ġustizzja ssir u tidher li qed issir waqt li fakkar li l-Kunsill tal-Ewropa wkoll għandu dubji serji dwar dan il-bord.

Temm jisħaq li l-aktar ħaġa importanti hija li ssir ġustizzja u toħroġ il-verità.

“Apparti l aħna l-uniku pajjiż fid-dinja fejn ma ntrefgħetx responsabbilità politika, sentejn wara għadna qed nissieltu biex issir l-aħjar għażla,” insista l-Kap Nazzjonalista.

More in Politika