L-ALPA takkuża lill-Air Malta li qed tiffabbrika qlajjiet dwarha

L-ALPA u l-Air Malta ilhom minn Lulju li għadda għaddejin b’botta u risposta wara azzjoni industrijali fl-eqqel tas-sajf

Il-unjin tal-Bdoti (ALPA), dalgħodu ppreżentat fil-Qorti tweġiba dokumentata biex tiċħad dak li qalet l-Air Malta, jiġifieri li sejħet azzjoni industrijali għax il-Gvern irrifjuta li jiggarantixxi garanzija ta’ €700,000 bħala parti minn skema ta’ irtirar kmieni.

Fi stqarrija, l-ALPA akkużat lill-Air Malta b’fabrikazzjoni waqt li insistiet li hi qatt ma għamlet l-ebda talba uffiċjali dwar skemi ta’ irtirar kmieni.

L-ALPA u l-Air Malta ilhom minn Lulju li għadda għaddejin b’botta u risposta wara li l-bdoti kienu ntlabu jtajru l-ajruplani nofsiegħa tard fl-eqqel tal-istaġun tas-sajf.

L-Air Malta kienet talbet mandat ta’ inibizzjoni fil-Qorti, bil-għan li twaqqaf din l-azzjoni industrijali, waqt li insistiet li dan kien jikser il-ftehim kollettiv.

Il-Linja tal-Ajru kienet saħqet li l-ALPA għamlet li għamlet dan biex tpattiha lill-Gvern għax ma kienx laqa’ t-talba tagħha biex jiggarantixxi li tibqa’ fis-seħħ l-iskema tal-irtirar kmieni f’każ li l-kumpanija tfalli.

L-ALPA qed tiċħad dawn l-akkużi.

More in Politika