'Diversi Maltin qed jitilfu l-investiment li jkunu għamlu fil-pannelli fotovoltajċi u solar heaters’

F'mistoqsija parlamentari lill-KE Agius Saliba talab sabiex tipproteġi l-investimenti privati u d-drittijiet solari ta’ ċittadini tal-UE 

Il-Membru Parlamentari Ewropew Laburista Alex Agius Saliba qed jagħmel pressjoni fuq il-Kummissjoni Ewropea (KE) sabiex tipproteġi liċ-ċittadini li qed jinvestu fl-enerġija solari.

F’kummenti li ta lis-sit illum.com.mt, l-MEP spjega li qed ikellmuh diversi persuni rigward problemi li qed jaffaċjaw wara li jkunu nvestew f’sistemi ta’ pannelli fotovoltajċi u solar heaters.

“Ħafna nies mhu qed jingħataw l-ebda rimedju jew soluzzjoni f’ każ li jsir żvilupp maġenb il-propjetà tagħhom u li jtellfilhom l-aċċess solari, b'dellijiet ta’ bini twil fil-qrib jew b'xi restrizzjonijiet oħra marbuta mal-bini. Dan qed iwassal sabiex diversi Maltin qed jitilfu eluf ta’ ewro f’ investiment li jkunu ghamlu,” beda biex jispjega Agius Saliba.

Huwa kompla jgħid li, “illum in-nies huma aktar konxji u qed ifittxu li jagħmlu l-aħjar għażliet fl-interess tal-ambjent, u għalhekk jagħżlu li jinvestu f’sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Iċ-ċittadini Ewropej jagħmlu l-għażla t-tajba u hekk ukoll għandna nagħmlu aħna bħala UE u bħala politikanti," saħaq l-MEP.

Skontu, ħafna minn dawn il-problemi huma direttament relatati mal-aħħar bidliet li saru fil-pjanijiet lokali minn amministrazzjoni preċedenti. Madanakollu huwa stqarr li, "is-soluzzjoni ghal dawn il-problemi li qed joħolqu, illum huwa kompitu tagħna."

Fl-aħħar nett huwa qal li huwa importanti li l-Ewropea taddotta d-dritt ta’ social access rights li nibet fl-Istati Uniti għaliex b’hekk l-investiment ta’ dawk kollha li għażlu li jinvesti f’sistemi li jikkontribwixxu b’ mod dirett favur ambjent aktar sostenibbli jiġi żgurat.

  

More in Politika