Filmat | Delia jisħaq li għandu jkun investigat kull passaport li nnegozjaw Chetcuti Cauchi

Il-Kap Nazzjonalista qal ukoll li għandu jkun investigat kull min issemma' f'dan il-programm

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia saħaq li kull passaport li nbiegħ mill-aġenti Chetcuti Cauchi għandu jkun investigat.

Delia qal dan wara li l-programm Franċiż Enquête Exclusive, ippubblika programm dwar Malta fejn ġurnalist Franċiż mar fl-uffiċini ta' Chetcuti Cauchi biex jistaqsi dwar il-programm taċ-ċittadinanza Maltija. 

Ġurnalist, ippoża daqslikieku kien rappreżentant legali ta’ klijenti Afrikani li kienu interessati li jixtru ċ-ċittadinanza Maltija.

L-Avukat Malti jinstema’ jiftaħar fuq kemm għandu relazzjoni tajba mal-Prim Ministru Joseph Muscat, fosthom għax kien l-iskola miegħu. Jinstema’ jsemmi wkoll kif martu hija ħabiba tas-Segretarju Parlamentari responsabbli miċ-Ċittadinanza, Julia Farrugia Portelli.

Il-Partit Nazzjonalista immedjatament talab biex il-Programm taċ-Ċittadinanza b’Investiment ikun sospiż, bil-kelliem Karol Aquilina saħansitra jitlob inkjesta dwar kull applikazzjoni li għamel dan l-aġent.

Il-Gvern issospenda l-liċenzja mogħtija lil Chetcuti Cauchi biex ikun wieħed mill-aġenti ta’ dan il-programm.

“Għandu jkun hemm investigazzjoni dwar il-kumpanija, il-passaporti li biegħet u n-negozjati li wettqet f’isem il-pajjiż,” saħaq Delia.

Delia saħaq li anke l-persuni msemmija fl-istess programm għandhom ikunu investigati 

Il-Kap Nazzjonalista insista li meta skandlu simili jfaqqa’ f’pajjiż ieħor, tibda immedjatament investigazzjoni, iżda fi kliemu, mhux l-istess iseħħ f’Malta.

“Irridu naraw ukoll x’effetti negattivi dawn ir-rapporti se jħallu fuq Malta u min se jkun responsabbli,” saħaq Delia.

Huwa tenna dak li qal kemm-il darba, jiġifieri li jekk il-Partit Nazzjonalista jkun fil-Gvern dan il-programm jitwaqqaf immedjatament.

'Delia kkummenta ġurnata tard'

Fi stqarrija b'reazzjoni, is-Segretarjat Parlamentari għaċ-Ċittadinanza saħaq li lbieraħ, fi stqarija, il-Gvern qal ċar u tond li r-regolatur tal-Programma taċ-Ċittadinanza b'Investiment se jkun qiegħed jinvestiga l-fajls kollha li ġew sottomessti minn Chetcuti Cauchi filwaqt li l-applikazzjonijiet kollha pendenti twaqqfu.

Kien għalhekk li l-Gvern saħaq li Adrian Delia tkellem ġurnata wara li l-Gvern ħa azzjoni immedjata.

More in Politika