Mill-kontraċettivi sa panadol: ‘Għandna dmir nistaqsu’

L-ispiżjara għandhom joqogħdu jistaqsu? Għalfejn ġieli ma jbigħuhiex? Lill-irġiel ma jistgħux jagħtuhielhom? L-ILLUM tistaqsi

L-ispiżjara Claire Schoemake, li hija wkoll membru tal-Kunsill tal-Kamra tal-Ispiżjara saħqet mal-gazzetta ILLUM li għall-kuntrarju ta’ dak li qalet id-Deputata Rosianne Cutajar, l-ebda mediċina, inkluż kontraċettivi orali, ma jistgħu jitqiesu bħala “dritt bażiku,” ġaladarba dawn jistgħu jikkawżaw ħsara.

B’referenza għall-artiklu li ppubblikat il-gazzetta ILLUM il-ġimgħa li għaddiet, dwar l-ispiżeriji li jbiegħu l-Morning After Pill, Rosianne Cutajar saħqet li l-ispiżjara għandhom iwarrbu fil-ġenb “il-preġudizzji,” li jista’ jkun għad hemm fuq il-ħajja sesswali tal-mara u jibdew iħarsu lejn il-kontraċettivi bħala dritt bażiku ta’ kulħadd, inkluż fil-bejgħ tal-Morning After Pill.

Madanakollu, f’kummenti mal-ILLUM, l-ispiżjara Claire Shoemake, li hija wkoll lettur tal-farmaċewtika fl-Università ta’ Malta saħqet bil-kontra u nsistiet li pillola li tista’ tagħmillek id-deni, “minn kontraċettiv sa paracetamol,” ma tista’ qatt titqies bħala dritt bażiku, fejn persuna tħoss li għandha kull jedd li titlobha u tingħatalha.

“Ħadd ma għandu dritt fundamentali jew bażiku li jkollu dritt fuq mediċina,” insistiet Shoemake waqt li saħqet li l-ebda spiżjar ma jista’ qatt ikun sfurzat jagħti mediċina.

‘Anke min jiġi quddiemna b’riċetta nistaqsuh, aħseb u ara...’

Fakkret li l-ispiżjar għandu d-dmir li dejjem jistaqsi l-mistoqsijiet lill-pazjent, anke jekk dan imur quddiemu b’riċetta ta’ tabib.

Spjegat kif meta pazjent imur quddiem l-ispiżjara b’riċetta, dawn ikollhom ċertezza li l-mistoqsijiet neċessarji jkun diġà għamilhom it-tabib u għalhekk, il-pazjent ikun eliġibbli, iżda xorta waħda jistaqsu u joffru gwida.

Fi kliemha, dan minħabba l-fatt li “l-ispiżjara huma l-aħħar bastjun protettiv bejn il-pazjent u l-mediċina.”

Kompliet tinsisti li fil-każ tal-Morning After Pill, dan id-dmir tal-ispiżjara huwa akbar għax din tinbiegħ mingħajr il-bżonn tar-riċetta tat-tabib.

Għalhekk, kompliet tispjega l-ispiżjara, il-mistoqsijiet qabel tinbiegħ il-Morning After Pill huma ħafna aktar “rilevanti u mandatorji.”

‘Mhux nirrifjutaw imma nkunu qed nagħmlu ġudizzju kliniku...’

Nhar il-Ħadd li għadda, wara diskussjoni li qamet dwar il-bejgħ tal-Morning After Pill, il-gazzetta ILLUM ippubblikat eżerċizzju li għamlet matul dik il-ġimgħa u li wera kif minkejja li 70% tal-ispiżeriji (minn kampjun ta’ 70 spiżeriji mifruxa fil-lokalitajiet kollha madwar Malta u Għawdex) ibigħu l-Morning After Pill, għad hemm għadd ta’ spiżeriji li ma jbigħuhiex.

Apparti minn hekk, id-diskussjoni, li bdiet minn fuq il-grupp Women for Women, kienet titratta wkoll mistoqsijiet li qed jistaqsu spiżjara lin-nisa li jmorru jixtru l-Morning After Pill, b’uħud saħansitra jisħqu li ħassewhom iġġudikati b’mistoqsijiet intiżi biex iġegħluhom jistħu. 

L-amministratur ta’ dan il-grupp ta’ Facebook, Francesca Fenech Conti, saħansitra qalet li ma tarax il-bżonn li n-nisa jkunu mistoqsija, għax, fi kliemha, kull meta marret tixtri mediċini li jinbiegħu bla riċetta, ħadd qatt ma staqsieha xejn.

Dwan dan kollu, tkellimna mal-ispiżjara Claire Shoemake li kompliet ma’ dak li qalet qabel u nsistiet li l-ispiżjara, meta jkunu qed jitkellmu mal-pazjent, ikunu qed jagħmlu ġudizzju favur il-pazjent u s-saħħa tiegħu.

Insistiet għal aktar minn darba, li meta l-ispiżjara jieħdu l-liċenzja, iwiegħdu li ma jagħmlu xejn li jista’ jkun ta’ dannu għas-saħħa tal-pazjent jew il-klijent li jmur għandhom.

Kien għalhekk li saħqet li meta spiżjar, wara li jkun għamel mistoqsijiet, jagħżel li ma jagħtix il-Morning After Pill, ma jkunx qiegħed jirrifjuta li jagħti l-pillola, imma “jkun sempliċiment qed jagħmel ġudizzju kliniku favur il-pazjent abbażi tal-informazzjoni li jieħdu mingħand il-pazjent waqt li jitkellmu miegħu u jistaqsuh domandi pertinenti u relevanti.

Imma la legali għalfejn hawn min iħalli l-ġudizzji morali jirbħu?

Madanakollu, hemm spiżeriji li lanqas biss jistaqsu mistoqsijiet iżda jagħżlu minn qabel li ma jistokkjawx il-Morning After Pill. Staqsejna lil Claire Shoemake jekk dan hux ġust, bl-ispiżjara tisħaq li ma jagħmilx sens li l-Morning After Pill tkun stokkjata jekk l-ispiżjar, minħabba l-ġudizzju morali tiegħu, jagħżel li ma jbigħhiex.

Mistoqsija jekk jagħmilx sens li spiżjar iħalli ġudizzji morali jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tiegħu dwar mediċina, Claire Shoemake wieġbet li dak huwa dritt fundamentali ta’ kull professjoni.

X’jista’ jżomm l-ispiżjara milli jbigħu l-MAP?

Komplejna nitkellmu mal-ispiżjara dwar x’jista’ jwassal biex spiżjar jew spiżjara jagħżlu li  ma jbigħux il-Morning After Pill wara li jkun għamlu l-mistoqsijiet tagħhom lill-mara li tmur għall-pillola.

Shoemake bdiet billi tfakkar li l-ispiżjar jistaqsi mal-pazjent dejjem u mhux meta jiddispensa l-Morning After Pill. 

Saħqet li r-raġunijiet li jistgħu jwasslu lill-ispiżjara biex ma jbigħux l-Morning After Pill jistgħu jkunu varji. “Il-Morning After Pill hija mediċina li bħal kull mediċina oħra trid tintuża bir-reqqa.”

Fost dawn, l-ispiżjara semmiet kif mara li għandha storja ta’ puplesija jew inkella tpejjep ħafna għandha tiġi mgħarrfa li l-Morning After Pill tista’ tiggrava s-sitwazzjoni.

Semmiet ukoll nisa b’piż kbir. Saħqet li dawn għandhom jiġu mgħarrfa li l-Morning After Pill tista’ ma tkunx effettiva u għalhekk l-ispiżjar huwa fid-dmir li jispjega u mhux iħalli persuna teħodha għalxejn.

Apparti minn hekk, Shoemake kompliet tisħaq li l-ispiżjara huma fid-dmir li jistaqsu lill-mara meta l-aħħar li ħadet il-Morning After Pill, anke biex jekk jirriżulta li teħodha ta’ spiss, jinfurmawha li jeżistu metodi aħjar ta’ kontraċezzjoni, anke orali u li jista’ jkollhom inqas impatt fuq is-saħħa tagħha. 

Il-MAP għandha tinbiegħ lill-irġiel ukoll?

Fl-aħħar nett, staqsejna wkoll lill-ispiżjara dwar għalfejn f’Malta, l-ispiżjara jirrifjutaw li jbigħu l-Morning After Pill lill-irġiel, tant li din tingħata biss lill-mara. 

Fil-fatt, mill-eżerċizzju li għamlet l-ILLUM, kważi l-ispiżjara kollha li weġbuna li jbigħu l-Morning After Pill fakkruna li jistgħu jagħtuha biss lil mara.

Mistoqsija jekk dan jagħmilx sens, Claire Shoemake kompliet ma’ dak li qalet qabel u insistiet li l-ispiżjara jridu jkunu assigurati li din qed tittieħed biss minn dawk in-nisa li huma eliġibbli u li jkunu assigurati li mhux se tagħmlilhom ħsara.

Fakkret li l-bejgħ tal-Morning After Pill lill-irġiel jista’ jwassal ukoll għal abbużi, fejn mara tista’ saħanistra tkun kostretta li tieħu l-pillola, minkejja l-effetti li jista’ jkollha.

Madanakollu, kien hemm min saħaq li f’pajjiżi oħra, il-Morning After Pill tinbiegħ ukoll lill-irġiel. Staqsejna lil Shoemake għalfejn f’Malta le.

“Għax jagħmlu hekk barra minn Malta se nagħmlu hekk aħna wkoll anke jekk nikkompromettu s-saħħa tan-nisa Maltin?” temmet tistaqsi l-ispiżjara. 

X’sabet il-gazzetta ILLUM?

  • L-ILLUM iċċempel 70 spiżerija mifruxa fil-lokalitajiet kollha madwar Malta u Għawdex
  • 49 (70%) tal-ispiżjara li kellimna jgħidu li jbigħu l-MAP
  • 21 (30%) jgħidu li ma jbigħux il-pillola
  • Il-maġġoranza tal-ispiżjara javżawna li l-mara li se tmur tixtri trid twieġeb mistoqsijiet jew twieġeb kwestjonarju
  • Numru inqas ta’ spiżjara jgħidulna li mara trid tippreżenta wkoll il-karta tal-identità
  • Diversi spiżeriji jistokkjaw biss tip wieħed ta’ Morning After Pill
  • Jgħidulna wkoll li fl-istess spiżerija jista’ jkun hemm spiżjara li jbigħu u oħrajn li jbigħux il-MAP
  • Il-maġġoranza tal-ispiżjara li ma jbigħux il-MAP qalulna minn fejn insibuha
  • Ditti stess tal-MAP joffru lill-ispiżjara gwida dwar il-mistoqsijiet li għandhom jistaqsu

More in Politika