Delia jgħid li jekk hemm bżonn il-PN jinżel fit-toroq biex iġib lura l-governanza tajba

Delia jgħid li spiċċa ż-żmien li l-Gvern juża flus il-poplu biex jgħatti xturu...

Adrian Delia jindirizza l-folla quddiem id-Dar Ċentrali
Adrian Delia jindirizza l-folla quddiem id-Dar Ċentrali

Meta kien qed jindirizza folla li nġabret biex tiċċelebra l-Indipendenza l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li biex jerġa jirrestawra l-governanza tal-pajjiż lest li, jekk ikun hemm bżonn jinżel fit-toroq. "Spiċċa ż-żmien li l-gvern juża fluskom biex jgħatti xturu," qal Delia għaċ-ċapċip ta' dawk preżenti, hekk kif kien qed jirreferi wkoll għall-kwistjoni dwar flus ta' rtitrar għal ħaddiem fl-MFSA. 

Delia qal li ma jistax ikun li meta għandek min qed ibati biex jgħix hawn min jaħseb li jista' jiffanga fil-ġid. 

Delia allega li l-ħatriet tal-ġudikanti llum qed isiru skont l-affiljazzjoni politika u sostna li l-politika mingħajr meritokrazija qed ikollha l-effett fuq il-pajjiż u l-poplu. 

Intant il-Kap tal-PN għamel elenku sħiħ ta' suġġetti u kwistjonijiet. Beda billi rrimarka kif "illum, fil-ġurnata illi fih madwar id-dinja qed jipprotestaw tant nies favur il-bidla fil-klima l-gvern mar jiftaħ triq li wessa'." Hu qal dan f'referenza għat-tnedija tal-ewwel parti tal-proġett tal-Junction tal-Marsa iktar kmieni llum. "Pajjiżna l-aqwa fl-Ewropa għal dak li hu tniġġis fl-arja, l-ossiġinu li nieħdu. Ġurnata wara oħra, siġra wara oħra u l-Gvern ma jinteressahx fhiex se jġib lill-uliedna," qal il-Kap tal-PN. 

Huwa għamel referenza għall-pagi u l-għoli tal-ħajja u rrimarka illi llum iż-żgħażagħ mhux talli mhumiex sidien ta' darhom huma, "imma lanqas biss jifilħu jħallsu kirja. Il-banek ma jistgħux isellfu aktar flus. Malta kienet il-pajjiż bl-inqas żieda fil-pagi fl-Ewropa u fl-aħħar tliet snin, effetivament, il-ħaddiema Maltin qalgħu inqas," qal Delia. Hu sostna li dan il-Gvern għadu lanqas biss bena saqaf wieħed għal dawk fil-bżonn u għal dawk li ma jafux hux se jkollhom saqaf fuq rashom għada.

"Gvern Nazzjonalista kien jibni skola fis-sena, minflok illum għandna kontejner fil-ġimgħa," kompla jgħid Delia li sostna illi dan il-gvern qatt ma mpurtah mill-edukazzjoni, la fil-passat u lanqas issa. Kien hawn li għamel referenza għall-inċidenti tal-passat qabel qal li llum mhux talli żgħażagħ mhux qed ikunu attirati lejn il-karriera ta' għalliem, "talli 50% kieku jistgħu jitilqu mill-impjierg ta' għalliem."

 

More in Politika