Agius Saliba jibda bil-kbir u jingħata numru ta' rwoli fil-Grupp tas-Soċjalisti

Agius Saliba b'erba' rwoli differenti fil-ħdan il-Grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi 

Il-MEP elett f’isem il-Partit Laburista, Alex Agius Saliba ġie fdat mill-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi b'numru ta’ ħatriet politiċi ewlenin.

Agius Saliba ser ikun qiegħed jiskrutinja l-infiq ta' flus pubbliċi mill-Kummissjoni Ewropea u istituzzjonijiet u aġenziji oħra tal-UE, fil-Kumitat għall-Impjiegi. Din il-ħatra hija l-ewwel pożizzjoni uffiċjali tal-MPE Agius Saliba bħala kelliem fil-Kumitat għall-Impjiegi għal sitt rapporti differenti.

Ir-responsabbiltajiet tiegħu se jkunu li jirrapportaw dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali, il-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol, l-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol u l-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ.

Il-MEP Alex Agius Saliba qal li dan huwa "unur kbir għalija li niġi fdat, bħala MPE ġdid, b’kompitu daqstant importanti."

L-MEP Agius Saliba nħatar ukoll f’diversi pożizzjonijiet u rapporti oħra influwenti. Fil-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, huwa ġie maħtur bħala rapporteur permanenti responsabbli għad-Direttiva dwar it-Tagħmir tar-Radju.

“Dan il-fajl, li huwa ferm tekniku iżda essenzjali għall-konsumaturi u n-negozji Ewropej, jistabbilixxi r-rekwiżiti għat-tagħmir elettroniku bħat-televixins, il-mowbajls u l-wi-fi. Fil-ftit xhur li ġejjin, se nkun qed naħdem mal-Kummissjoni biex fl-aħħar titwettaq miżura li tant ilha mixtieqa, iġifieri dik li l-konsumatur ikun jista’ juża apparat wieħed biex jiċċarġja t-tagħmir elettroniku kollu," qal Agius Saliba.

Agius Saliba nħatar ukoll bħala l-MPE fil-Kumitat tas-Suq Intern responsabbli għas-settur tal-akkwist pubbliku. “L-akkwist pubbliku huwa fil-qalba tas-suq intern. Jien onorat li għal darb’ oħra ġejt maħtur biex nirrappreżenta l-grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi u se nkun responsabbli għall-inizjattivi kollha, leġislazzjoni sekondarja u futura f’dan il-qasam”.

L-MPE Alex Agius Saliba nħatar ukoll bħala l-uffiċjal ta’ kollegament tal-S&D biex jittratta l-petizzjonijiet kollha relatati ma’ kwistjonijiet ta’ diżabilità u kwistjonijiet relatati mal-impjiegi u l-affarijiet soċjali.

L-MEP Agius Saliba kkonkluda li huwa jinsab sodisfatt ferm bil-fiduċja li ngħata mill-S&D. "Jiena konxju sew tal-importanza u l-kobor tal-kompitu li għandi quddiemi b’dawn il-ħatriet ewlenin. Ser inkun qed nagħmel l-almu tiegħi biex niżgura li nissodisfa dmirijieti bħala rapporteur għall-familja politika tiegħi bl-aħjar mod possibbli.”

 

More in Politika