Aġġornata | Kummissarju tal-Kunsill Ewropew tikteb lill-PM biex iwaqqa' l-libelli kontra Caruana Galizia

F'ittra indirizzata lill-Prim Ministru, Dunja Mijatović tappella biex każijiet ta' libelli ma jibqgħux jintirtu għand il-familjari u l-eredi

Il-Kummissarju tal-Kunsill tal-Ewropea għad-Drittijiet Umani, Dunja Mijatović, ħeġġet lill-Prim Ministru Joseph Muscat biex iwaqqa’ l-libelli li kontra l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

F’ittra mibgħuta lill-Prim Ministru, Mijatović saħqet li l-libelli li għadhom pendenti fil-konfront ta’ Caruana Galizia jqajmu diversi tħassib, mhux biss għall-familja ta’ Caruana Galizia, iżda anke għall-protezzjoni tal-libertà tal-midja u s-saltna tad-dritt f’Malta.

Hija saħqet ma’ Muscat li l-liġi f’Malta li tippermetti li każijiet ta’ libelli jistgħu jintirtu għand l-eredi, “tpoġġi lill-ġurnalisti u lill-familji tagħhom f’riskju u għandha effett kbir fuq il-ġurnaliżmu investigattiv b’mod partikolari.”

Il-Kummissarju tħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex dawn il-proviżjonijiet jitneħħew waqt li insistiet li dawn huma ta’ theddida għal-libertà tal-ġurnalisti f’Malta.

'Jiena offrejt li nwaqqa' l-libelli' - Joseph Muscat iwieġeb

Immedjata kienet ir-risposta tal-Prim Ministru Joseph Muscat li kiteb lura lill-Kummissarju biex jisħaq li huwa kien offra li jwaqqa' l-libelli kontra Daphne Caruana Galizia jekk l-eredi tagħha jammettu li kienet żbaljata fl-allegazzjonijiet dwar Egrant

Il-familja qed tirrifjuta li tagħmel dan.

Huwa fakkar lill-Kummissarju li l-Att dwar il-Midja u l-Malafama, li jirregola każijiet ta' libelli, hija liġi ġdida li ddaħħlet fis-seħħ minn dan il-Gvern wara konsultazzjoni wiesgħa fuq livell lokali u internazzjonali.

Fakkarha wkoll li din il-liġi tabolixxi l-libell kriminali u anke tistabbilixxi massimu ta' €11,600 kemm ġurnalist jista' jeħel f'danni.

Insista wkoll li l-istess att joffri ċ-ċans lil eredi ta' persuna mejta biex anke huma jkomplu bil-libelli li l-persuna mejta tkun fetħet. 

Ir-risposta tal-Prim Ministru
Ir-risposta tal-Prim Ministru
Ir-risposta tal-Prim Ministru
Ir-risposta tal-Prim Ministru

More in Politika